Issiġillat ftehim bejn il-kumpanija tal-Gvern Malta Government Investments u l-istituzzjoni pubblika u finanzjarja fi Franza Caisse Des Depots li ser ikun qed jikkontribwixxi sabiex aktar minn 50 kumpanija tal-Gvern ikunu msaħħa u żviluppati f’ambitu modern.
Dan il-ftehim li ġie ffirmat bejn il-Kap Eżekuttiv tal-MGI Herald Bonnici u l-Ambaxxatriċi Franċiża hawn Malta Beatrice Le Fraper Du Hellen ser iservi sabiexl-MGI tkun f’qagħda li tiżviluppa b’mod tekniku u attiv il-kumpaniji tal-Gvern li jaqgħu taħtha fejn it-temi ndirizzati ser jinvolvu l-aspett finanzjarju, il-governanza kif ukoll l-valur tal-istess kumpaniji tal-Gvern.
Ma’ One News, l-Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal-MGI Herald Bonnici semma kif l-idea prinċipali ta’ dan l-iffirmar huwa li l-kumpaniji tal-Gvern jikbru fit-totalita’ tan-negozji f’ambitu kompetittiv:
“Bħala mou ha jgħina niżviluppaw b’mod tekniku l-kumpaniji tal-Gvern li qegħdin taħtna. Huwa ‘challenge’ li aħna nixtiequ nilqgħu. Jista’ jkun hemm game changer li l-aspett modern jagħti input tagħna- qed inħarsu lejn l-aspett ta’ parteċipazzjoni biex nagħtu valur lis-‘shareholder’ tagħna li huwa l-Gvern u s-soċjeta’ tagħna.”
Fid-diskors tagħha, l-Ambaxxatriċi Franċiża du Hellen fissret dan il-Memorandum of Understanding bħala pass importanti fil-kollaborazzjoni bejn Malta u Franza dan hekk kif iż-żewġ pajjiżi jħaddnu valuri simili. Hija semmiet kif bil-mod kif l-ekonomija Maltija qegħda tevolvi, issa huwa ċ-ċans għall-kumpaniji tal-Gvern sabiex jevolvu u jadottaw l-aqwa prattiċitajiet.
Sadanittant, il-Ministru tal-Ekonomija Chris Cardona spjega kif l-għan prinċipali tal-MGI huwa li tibni relazzjonijiet mas-setturi pubbliċi kif ukoll dawk privati bil-għan li tiżviluppa l-ekonomija Maltija. Huwa semma kif bir-ritmu ekonomiku li qabdet Malta, is-suċċess li nkiseb sa issa jkompli jagħmel lil pajjiżna bażi aktar b’saħħitha u sigura għall-operaturi ta’ negozji internazzjonali kif ukoll bħala ċentru ta’ eċċellenza f’dak kollu li għandu x’jaqsam ma’ servizzi finanzjarji.