Residenta fis-Swieqi kitbet fuq Facebook kif sabet lill-qattus tagħha, li għandu tliet saqajn, b’pil imqaxxar u li qed ikaxkar is-sieq ta’ wara bħal qishu hu midrub.
L-istess mara allegat li l-qattus tagħha x’aktarx kien suġġett ta’ moħqrija minn xi persuni jew persuna mhux magħrufa, hekk kif il-pil li jidher imqaxxar jinsab bħala linja dritta u jidher li qishu tqaxxar ta’ bilfors u mhux b’xi inċident.
Sostniet li ma tistax tifhem kif hawn nies daqshekk bla qalb u kif jaslu jagħmlu dawn it-tip ta’ affarijiet.
Kienu bosta li kkummentawlha taħt fejn baqgħu mistgħaġbin b’dak li seħħ, b’uħud jirrimarkawlha li lill-qattus għandha żżommu ġewwa u fl-ebda ħin m’għandha tħallih joħroġ fit-triq għax hemm ma tistax tikkontrolla x’jista’ jiġri.
Numru ta’ persuni qalulha li qattus bi tliet saqajn għandu jinżamm ġewwa, aktar u aktar meta dak li seħħ jaf ikun biss twissija mingħand xi ħadd li forsi ma jieħux gost bil-qtates.
Oħrajn ħeġġewha biex tieħdu għand veterinarju sabiex taqta’ l-kundanna ta’ x’seta ġralu, hekk kif jista’ jkun li spiċċa kif spiċċa għax inqabad x’imkien waqt id-dawra li jmur.