- AKKOMODAZZJONI LIL MIN VERA GĦANDU BŻONN
Tnediet kampanja li fiha l-pubbliku jista jirrapporta każijiet ta’ abbuż fl-użu ta’ housing soċjali, liema abbuż qed jippermetti persuni jokkupaw b’mod irregolari binjiet tal-Awtorita’ tad-Djar a skapitu ta’ dawk li verament għandhom bżonn.
Il-freephone 80072294, li se jintuża biex l-Awtoritá tad-Djar tirċievi rapporti mill-pubbliku dwar allegati każi ta’ abbużi. Kull rapport li jsir lill-Awtorita tad-Djar fuq dan il-freephone se jkun trattat b’mod anonimu u bl-akbar kunfidenzjalitá.
Galdes ħabbar ukoll li l-Awtoritá tad-Djar qed issaħħaħ l-istrutturi ta’ infurzar fi ħdanha biex tkun tista taġixxi fuq dawn ir-rapporti biex persuni li mhumiex intitolati għall-għajnuna tal-gvern f’dan ir-rigward jiġu imwaqqfa minn dan l-abbuż.
‘L-akkomodazzjoni soċjali mhijiex free for all. Qegħda hemm biss biex tgħin lil dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjeta’. Dan il-gvern hu wieħed b’ruħ soċjali iżda mhu se jittollera qatt abbuż irresponsabbli minn persuni li għal gwadann finanzjarju tagħhom qed iċaħħdu binja lil min lanqas għandu saqaf fuq rasu,’ spjega l-Onorevoli Galdes.
Abbużi fl-akkomodazzjoni soċjali jinkludu l-kirja ta’ binja tal-housing lil terzi persuni, ir-rilokazzjoni ta’ persuni ġo propjeta wara l-mewt tal-inkwilin oriġinali, u squatters li jaqbdu u jidħlu f’binjiet tal-awtorita’ tad-djar mingħajr permess.
Matul l-2016, l-Awtorita’ tad-Djar irkuprat 89 ċavetta wara li l-ispezzjonijiet tagħha urew li l-postijiet allokati ma kienux qed jintużaw għall-iskop oriġinali.
Is-Segretarju Parlamentari Galdes qal li hu ottimist li b’din il-kampanja l-ammont ta’ abbużi jitnaqqas, u l-għajnuna tingħata lil min vera għandu bżonn.
Galdes spjega kif din l-inizjattiva hi parti minn pjan ħolistiku biex il-Gvern jindirizza l-problemi tal-akkomodazzjoni soċjali. Fost l-oħrajn, fl-ewwel 100 jum dan il-gvern diġa nieda skema ta’ kiri ta’ propjetajiet mill-privat, u inbeda x-xogħlijiet u l-iskavar fuq siti ġodda ta’ housing.