Sezzjoni ġdida fis-sit elettroniku tal-linja nazzjonali tal-ajru se tagħmilha aktar faċli għal kull min jixtieq isiefer bil-pet tiegħu mal-Air Malta.
Fil-fatt, din il-funzjoni ġdida online fuq is-sit tal-Air Malta, tippermetti prenotazzjonijiet ta’ vjaġġi għall-qtates u l-klieb.
L-ivvjaġġar bl-annimali domestiċi huma pjuttost popolari, tant li l-Air Malta ġġorr aktar minn elfejn u ħames mitt annimal domestiku kull sena, li elfejn minnhom jinġarru fil-kabina mal-passiġġieri.
Il-funzjoni ġdida hija waħda mill-aħħar servizzi online mnedija mill-Air Malta bil-għan li titjieb l-esperjenza tal-klijent.
Fil-kabina tal-ajruplan jistgħu jinġarru qtates u klieb li jiżnu sa għaxar kilogrammi bil-kontenitur b’kollox.
Qtates, klieb u annimali oħra li jiżnu aktar, jistgħu jinġarru fl-istiva tal-ajruplan.