B’effett immedjat, persuna m’għandhiex għalfejn tmur fiżikament fil-bini tal-Qorti biex thallas multa li tkun ingħatat minn xi Imħallef jew Maġistrat iżda tista’ tagħmel hekk online billi, permezz ta’ e-ID, tidħol fil-link https://justice.gov.mt/onlineservices.
Dan se jwassal biex persuna tkun tista’ tħallas multa mill-kumdità ta’ darha jew mill-post tax-xogħol tagħha. Il-vantaġġi huma kbar, speċjalment meta wieħed iqis li ħafna multi li jingħataw mill-Qorti jingħataw bil-benefiċċju li dawn ikunu jistgħu jitħallsu ratealment, jiġifieri maqsumin fuq numru ta’ xhur.
Fi stqarrija l-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali qal li ħafna nies se jintlaqtu pożittivament minn din is-sistema, tant li mill-Qrati Kriminali, kemm dawk Superjuri kif ukoll dawk Inferjuri jingħataw medja ta’ 4,000 multa fis-sena. Dawn jistgħu jkunu jew multi wara li jiġu deċiżi l-kawżi jew inkella fejn il-Qorti ssib ħtija ta’ disprezzi.
Dawn il-multi jitħallsu billi l-ħati jew jiġi l-Qorti personalment, jew jiġi xi ħadd ieħor minfloku jew inkella jintbagħat cheque.
Issa qed tingħata l-opportunità addizzjonali li wieħed ikun jista’ jħallas il-multa online. Din is-sistema hija user friendly sabiex l-individwu ma jkollux problema meta jiġi biex iħallas u tfasslet b’mod illi tiġi salvagwardjata l-identità ta’ dak li jkun billi ġie introdott numru uniku li jrid jiddaħħal (apparti n-numru tal-multa) sabiex jiġi assigurat li tiġi osservata l-informazzjoni personali tal-individwu.
Dan huwa s-sittax-il servizz ġdid tal-informatika li saru matul din il-leġislatura fil-qasam tal-Ġustizzja li kollha ntlaqgħu tajjeb ħafna. Servizzi oħrajn li ġew introdotti matul din il-leġislatura kienu, fost oħrajn, il-faċilità li wieħed jirċievi SMS f’każ ta’ diferiment, emails tat-traskrizzjonijiet tax-xhieda, emails tad-digrieti tal-Qorti, informazzjoni b’mod elettroniku tan-notifiki, il-possibilità ta’ preżentata ta’ ittra uffiċjali online u l-faċilità li wieħed jiċċekkja l-atti ġudizzjarji kollha li kienu ġew ippreżentati f’ismu b’mod online.
Dawn is-servizzi kollha, inkluż tal-ħlas tal-multi online, jingħataw b’xejn.