Klijenti tal-BOV se jkunu qed jirċievu kard ġdida, ftit qabel ma tkun se tiskadilhom dik li għandhom fejn din il-kard se tkun contactless sabiex il-klijent ikun jista’ jħallas fil-ħwienet b’mod aktar faċli. Il-Bank of Valletta beda joħroġ il-kards contactless tiegħu fejn kif tħabbar ftit xhur ilu, il-Bank beda jibdel il-kards eżistenti tiegħu b’kards ġodda li jintużaw bit-teknoloġija contactless.
Meta tkellem dwar il-proġett, Ivo Camilleri, Kap Eżekuttiv tal-Electronic Banking, spjega li “L-innovazzjoni tal-kards contactless qed tintroduċi era ġdida fis-servizzi bankarji diġitali f’Malta. Dawn il-kards jikkombinaw l-istess sigurtà li joffru l-kards tradizzjonali biċ-ċipp u l-PIN, flimkien mal-konvenjenza li joffru l-pagamenti wireless. Il-ħlas għal oġġetti ta’ valur baxx qiegħed għall-ewwel darba jsir aktar faċli mill-ħlas bil-flus kontanti. Issa d-detenturi tal-kards jistgħu sempliċiment jgħaddu l-kard fuq il-magna tal-EPOS fil-ħanut u t-tranżazzjoni tiġi pproċessata fi ftit sekondi. M’hemmx aktar il-ħtieġa li wieħed idaħħal il-PIN jew li jiffirma fuq l-irċevuta sakemm il-valur tat-tranżazzjoni jkun taħt l-EUR 20.00.”
Is-Sur Camilleri qal li din il-migrazzjoni titlob is-sostituzzjoni tal-magni kollha tal-EPOS kif ukoll tal-kards individwali. “Fl-aħħar ftit xhur rajna l-varar tal-proġett fil-ħwienet fejn il-magni tal-POS tal-Bank qegħdin b’mod gradwali jkunu jistgħu jaċċettaw il-kards contactless. Dan il-proċess se jkompli matul ix-xhur li ġejjin sakemm il-magni kollha tal-POS fil-ħwienet u stabbilimenti jkunu jistgħu jaċċettaw dawn il-kards. Din it-tieni fażi tal-proġett issa qed tiġi estiża għall-kards eliġibbli kollha tad-debitu u tal-kreditu. Il-kards contactless, li wkoll ingħataw dehra ġdida b’xogħol grafiku ġdid, jippermettu lil min għandu l-kard jagħmel kemm tranżazzjonijiet regolari, kif ukoll jippermettu t-tranżazzjonijiet contactless.”
Bħalma jgħodd għall-metodi kollha tal-ħlas elettroniku, il-kwistjoni tas-sigurtà tibqa’ l-prerogattiva fit-teknoloġija tat-tip contactless. Fil-fatt, kif enfasizza s-Sur Camilleri, “Il-kards bla kuntatt huma mgħammra bil-karatteristiċi tradizzjonali tas-sigurtà bbażati fuq ċippa li issa tinkludi wkoll teknoloġija speċifika tat-tip contactless biex il-kard tkun tista’ tinteraġixxi b’mod sigur mat-terminal. Dawn il-karatteristiċi tas-sigurtà jaħdmu flimkien ma’ miżuri oħra tas-sigurtà li huma ddisinjati b’mod speċifiku biex jiżguraw is-serħan tal-moħħ tal-klijent meta jagħmel ħlasijiet siguri bil-kard il-ġdida tiegħu”. Filwaqt li tenna l-kunfidenza tiegħu li l-kards contactless se jwessgħu l-ambitu tal-ħlasijiet bil-kards, is-Sur Camilleri spjega li se tibqa’ l-prerogattiva tal-Bank li jeduka lill-klijenti tiegħu. “F’dan ir-rigward, il-Bank se jkun qed jieħu sensiela ta’ inizjattivi edukattivi, bl-użu ta’ diversi mezzi ta’ komunikazzjoni biex jappella għall-aktar udjenza wiesgħa possibbli,” huwa qal. “L-għan tagħna jibqa’ dak li nedukaw lill-pubbliku, filwaqt li ninkoraġġixxu aktar nies jaqilbu mill-metodi konvenzjonali tal-ħlas bħall-flus kontanti u ċ-ċekkijiet għal alternattivi diġitali aktar faċli għall-utent.”
Aktar informazzjoni rigward l-implimentazzjoni tal-kards contactless tista’ tinkiseb billi wieħed iżur is-sit onlajn: www.bov.com jew jagħmel kuntatt mal-BOV Customer Service Centre fuq 2131 2020.