Kompliet il-ħidma biex il-pubbliku jkun jista’ jaċċessa s-servizzi governattivi 24 siegħa kuljum onlajn.
Il-Ministru Michael Farrugia nieda sitt webapps feja fosthom hemm erba’ kalkulaturi onlajn tal-benefiċċji u żewġ webapps li jassisti lill-utent.
Permezz tal-kalkulaturi onlajn, b’mod faċli persuna se tkun tista’ ddaħħal sett minimu ta’ informazzjoni mandatorja bħala bażi għal determinazzjoni preċiża kemm jista’ jkun tal-benefiċċju potenzjali tagħha.
B’hekk b’dawn il-kalkulaturi onlajn, wieħed se jkun jista’ jsir jaf ir-rata ta’ dawn il-benefiċċji; Allowance tat-tfal, Benefiċċju ta’ waqt l-impjieg, Benefiċċju tal-mard u Benefiċċju dwar diżimpjieg.
Iż-żewġ webapps l-oħra juru r-rati tal-benefiċċji kollha li jipprovdi d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali kif ukoll id-dati ta’ meta dawn il-benefiċċji jkunu se jitħallsu.
Hu ppjanat li fil-ġimgħat li ġejjin jitnieda kalkulatur ġdid għall-pensjoni tal-irtirar.
Dan kollu mistenni jnaqqas il-piż amministrattiv minn fuq id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ riżorsi umani biex b’hekk ikunu jistgħu jiġu utilizzati b’mod aktar effiċjenti.