Mill-ġimgħa d-dieħla, l-applikazzjoni għaċ-ċertifikat tal-kondotta tal-pulizija tista’ wkoll issir online. Dawk b’karta tal-identità Maltija, permezz tas-sistema e-id jistgħu japplikaw għal kondotta online u jirċevuha fil-kumdità ta’ darhom mingħajr ma jmorru fiżikament fl-uffiċċju tal-kondotti tal-pulizija l-Furjana. Dan qalu il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela waqt żjara li għamel lill-Pulizija stazzjonati fl-uffiċċju fejn jinżammu l-kondotti.
Huwa qal li dan kien possibbli wara diskussjoni mal-Kummissarju tal-Protezzjoni tad-Data li wasslet għal emenda legali f’Ġunju 2016. Spjega li persuna ma tistax tirċievi ċ-ċertifikat innifsu tal-kondotta online u ser ikollha tintuża s-sistema tal-posta fejn il-persuna tirċeviha fuq l-indirizz irreġistrat fuq il-karta tal-identità minħabba li l-kondotta trid tkun stampata fuq karta msejħa bħala sikura.
Ġie spjegat li meta persuna tkun eliġibbli għal kondotta ta’ Tip A, magħrufa bħala kondotta nadifa, l-applikant se jirċievi permezz ta’ email konferma li din ġiet ipproċessata u mibgħuta bil-posta. Meta persuna tkun eliġibli għal kondotta ta’ Tip B, magħrufa bħala kondotta li hemm każi fuqha, l-applikant se jirċievi email jekk jixtieqx li jkompli bil-proċess tal-applikazzjoni online u jiċeviha bħala posta irreġistrata fl-indirizz indikat fuq il-karta tal-identità cjew jekk jixtieqx li jmur jiġborha personalment minħabba raġunijiet ta’ kunfidenzjalità.
Il-ħlas għal kondotti li jsir online se jibqa’ l-istess u mhux se jiżdied. Id-differenza se tkun il-ħlas tal-posta.
Il-Ministru Abela ta rendikont tal-ħidma li jagħmel dan id-dipartiment fil-qasam tal-ħruġ tal-kondotti fejn semma’ li fis-sena 2015 inħarġu 58,000 ċertifikat tal-kondotta. Minn Jannar sa Ottubru 2016 inħarġu madwar 56,000 ċertfikati tal-kondotta bl-aktar xhur bieżla jkunu tas-sajf.
Parti sostanzjali mix-xogħol tal-Pulizija tal-uffiċċju tal-kondotti tinkludi wkoll l-aġġornar tal-fedina penali tal-persuna wara sentenza mill-Qorti. F’dan ir-rigward, fis-sena 2015 l-uffiċċju rċieva notifika fuq 18,063 persuna li nstabu ħatja mill-Qorti, bi 11,080 minnhom jinstabu ħatja ta’ reat kriminali u 6,983 fuq kontravenzjoni.
Il-Ministru għall-Intern irringrazzja lill-pulizija tal-Uffiċju tal-Kondotti ta’ xogħlhom, b’mod speċjali f’dan il-perjodu partikolari li fejn tidħol ukoll verifikazzjoni tal-persuni marbuta mal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea 2017. Sa issa diġà ġew ivvetjati 9,000 persuna.
Huwa temm billi nnota kif fiż-żmien li ġej il-Pulizija se tkompli taħdem lejn it-twettiq ta’ aktar miżuri ta’ simplifikazzjoni, bl-għan li tonqos il-burokrazija żejda, jitħaffu l-proċessi, u titjieb il-kwalità tas-servizz offrut lil pubbliku bl-użu tat-teknoloġija.
Ritratti: MHAS – DOI