Il-Konsumaturi f’pajjiżna ħa jkollhom l-opportunità li jaċċessaw servizz ta’ informazzjoni dwar l-aħjar rati fis-suq tat-telekomunikazzjoni.
Dan is-servizz ħa joffri ‘l fuq minn mija u għoxrin offerta li jinkludu pjanijiet għat-telefonija ċellulari, telefonija fissa kif ukoll l-internet u televizjoni.
Waqt it-tnedija ta’ dan is-servizz ġdid, Mark Stivala, Uffiċjal fi ħdan it-taqsima tal-Konsumatur fl-Awtorità Maltija għall-Komunikazzjoni spjegalna kif il-konsumaturi ħa jkunu jistgħu jidħlu fis-sit www.telecosts.com sabiex jaraw l-offerti differenti.
Qal kif, “Allura niedajna sit fejn fuqha l-konsumaturi kollha jkunu jistgħu jsibu l-offera li l-aktar tgħodd għalihom u jkunu anke jistgħu jqabblu l-offerti ta’ bejn operatur u ieħor u imbagħad ikunu jistgħu jgħażlu liem hija l-iżjed offerta vantaġġjuża u eventwalment jabbonaw għaliha billi jagħmlu kuntatt
Minn naħa tiegħu, Il-Ministru għal-Ekonomija, Silvio Schembri, li wkoll kien preżenti għal din it-tnedija, qal li bħalissa pajjiżna qed jibbenifika minn tliet forinturi tan-network tat-telefonija ċellulari li joffru servizzi ta’ 4.5G mal-pajjiż kollu.
Innota wkoll li wieħed mill-operaturi diġà investa f’infrastruttura li lesta għal konnessjoni tat-tip 5G u din is-sena mistenni jkollna aktar żviluppi minn kumpaniji oħra.
Qal li telecosts.com se tħares id-drittijiet tal-konsumatur.
Spjega, “B’hekk ikun jaf il-prezz reali li wieħed irid iħallas u jkun jista’ jqabbel bejn operatur u ieħor għalhekk l-iżjed operatur li ħa jkun qed joffri servizz irħis mill-att ta’ prezz ħa jkun qed jitla’ l-ewwel wieħed fil-lista u dak li jkun jista’ jkun hemm kompetizzjoni li tkun vantaġġjuża għall-konsumaturi li tagħti ovjament prezzijiet aħjar lill-istess konsumaturi”