“Issa qiegħda f’idejk. Ħu ħsiebha.” Kliem omm li f’Settembru li għadda tilfet lil bintha ta’ sentejn u għaddiet il-ġisem bla ħajja taċ-ċkejkna minn idejha għal idejn infermiera fl-Emerġenza tat-Tfal biex twassalha għall-aħħar vjaġġ lejn il-kamra mortwarja.
Dan il-mument emozzjonanti qasmitu magħna ċ-charge nurse Lucienne Brincat, meta tkellimna magħha u ma’ pedjatra dwar ix-xogħol f’dan id-Dipartiment f’Mater Dei – li nfetaħ tliet snin ilu u żaruh kważi 53 elf tifel u tifla.
Ċifri li kiseb ONE News fix-xahar li jimmarka tliet snin mill-ftuħ ta’ dan id-Dipartiment, juru kif minn dawn, ħdax-il elf inżammu l-isptar u tnejn u erbgħin elf intbagħtu d-dar.
Il-pedjatra Alexandra Camilleri Warne spjegat li huma kwart tal-każijiet li jkollhom bżonn jinżammu l-isptar għal aktar kura.
Qalet li għalkemm numru sostanzjali ta’ ġenituri jużaw is-servizz ħażin u jonqsu milli jirrikorru fiċ-ċentri tas-saħħa, hemm ukoll servizzi ġodda offruti fid-Dipartiment.
Spjegat kif “Bdejna noffru dak li ngħidulu PERC Clinic jiġifieri jekk tifel rajnih illum, tajnih il-kura, imma qed jinkwetana, naħsbu li m’għandux bżonn jibqa’ l-isptar imma aħjar nerġgħu narawh, noffrulu l-opportunità biex nagħmlulu dak li ngħidulu review jiġifieri jkollu appuntament biex jerġa’ jiġi Mater Dei l-għada.” Spjegat li bħal fl-Emerġenza tal-kbar jaħdmu b’sistema skont l-urġenza tal-każ.
Camilleri Warne qalet li “Nifhmu li tkun stressjat meta tkun ilek tistenna u inkwetat fuq it-tifel jew tifla tiegħek, imma importanti li n-nies jifhmu li mhux għax dħalt fl-għaxra u xi ħadd daħal fil-ħdax, ħa tidħol qabel dak li daħal fil-ħdax. Jekk tal-ħdax daħal bi qtugħ ta’ nifs jew qed jinkwetana, ħa jidħol qabel u sfortunatament tal-għaxra jrid jistenna ftit ieħor.”
Lucienne Bugeja, iċ-charge nurse tad-Dipartiment, innutat li ħafna ġenituri saru jċemplu għall-pariri, l-aktar fix-xitwa minħabba d-deni u l-influwenza.
F’dan id-dipartiment jaraw minn kollox inkluż tfal bi problemi ta’ saħħa mentali. Każi li kollha għandhom storja u li wħud minnhom iħallu marka fuq ħajjithom.
Qalet li “Sfortunatament tlifna tifla u kellna bżonn li neħduha l-kamra mortwarja. Il-ġenituri tagħha kienu miegħi imma fl-aħħar kont jien li spiċċajt magħha dit-tifla.”
Ċertament li kull esperjenza ta’ mewt hija waħda qarsa għal kull min imiss magħha, iżda l-ħajja trid tkompli.
Brincat spjegat kif “Tħossha ħafna però mentalment niġu preparati għal dawn is-sitwazzjonijiet umani. Bkejna u għadna nibku għaliex ix-xogħol tagħna mhux daqshekk faċli.”