Pajjiżna qaleb il-paġna u għalhekk illum qed nitkellmu dwar il-ġenerazzjoni li jmiss. Qal dan il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Joseph Muscat, meta tkellem f’attività politika fl-Imsida.
Joseph Muscat qal li llum nistgħu nitkellmu fuq il-Ġenerazzjoni li Jmiss għax għamilna bidla kbira li waslet biex mhux qed insewwu l-ħsara tal-imgħoddi jew naħsbu fil-lum. “Iżda, qed naħsbu għal għada u għal pitgħada,” qal Joseph Muscat.
Il-Prim Ministru ffoka parti kbira mid-diskors tiegħu dwar il-baġit għas-sena d-dieħla li jitressaq bħal għada ġimgħa. Fisser kif anke kif wieħed iħares lejn il-baġit hemm bidla.
“Minn mistoqsijiet dwar it-taxxi li se jkun hemm morna għal mistoqsijiet dwar x’se jagħtina l-gvern,” stqarr Joseph Muscat li nnota kif dan kollu hu riżultati ta’ deċiżjoni storiċi.
Hawn il-Prim Ministru appella lill-poplu biex iqabbel fejn il-pajjiż kien meta l-Partit Laburista kien fdat biex imexxi l-pajjiż u llum.
“Araw fejn tistgħu tkunu fis-snin li ġejjin,” qal Joseph Muscat li tenna kif il-baġit ta’ bħal għada ġimgħa se jkun tajjeb daqs il-baġit daqs tas-sena l-oħra u tas-snin ta’ qabel.
“Se jagħti lil dak il-poplu dak li nifilħu, minkejja li s-sena d-dieħla m’hemm ebda elezzjoni,” qal Joseph Muscat.
Tkabbir ekonomiku u surplus
Il-Prim Ministru fakkar illum it-tkabbir ekonomiku huwa n-normal il-ġdid tal-ekonomija Maltija. Żied li meta nisimgħu li l-ekonomija kibret b’5% tkun kibret fuq sena li diġa’ tkun tajba.
“Għalhekk qed insiru l-aqwa fl-Ewropa. Għalhekk l-għira tad-dinja. Għalhekk il-ġenerazzjoni li jmiss,” qal Joseph Muscat li nnota kif lil uliedna se nħallulhom il-ġid u l-opportunitajiet.
Joseph Muscat tenna kif dan hu riżultat miksub flimkien bħala poplu u s-surplus reġa’ kien irreġistrat filwaqt li żdiedu l-pagi u naqsu t-taxxi.
Hawn Joseph Muscat qal li l-gvern mhux se jgħalaq għajnejh għall-isfidi li jeżistu.
Filwaqt li nnota b’sodisfazzjoni li dan hu l-ewwel baġit wara elezzjoni li l-pajjiż mhux se jkun fi proċedura ta’ defiċit eċċessiv.
“Kemm ilna fl-Unjoni Ewropea kull meta ġiet elezzjoni l-Ewropa daħlitna f’Excessive Deficit Prodedure,” irrimarka l-Prim Ministru li fisser kif il-bidla turi kif illum sirna nitkellmu fuq ċiklu ekonomiku mhux ċiklu elettorali
Dokument li jixhed problemi fil-PN
Il-Prim Ministru nnota kif id-dokument ta’ qabel il-baġit tal-Partit Nazzjonalista jixhed problemi kbar fl-oppożizzjoni li jmorru lil hinn minn dawk politiċi li jaf bihom kulħadd.
Qal kif id-dokument jgħid li żdiedu t-taxxi meta naqsu u kien Gvern Nazzjonalista li żiedhom. Id-dokument jgħid li kienu impjegati nies żejda u ma jgħidx minn fejn. Dan meta l-gvern hu impenjat li jibqa’ jimpjega iktar nies fil-qasam edukattiv u mediku.
Qalu li żdiedu l-applikazzjonijiet li jidħlu għal social housing meta naqsu b’mitejn imqabbla mal-aħħar sena ta’ amministrazzjoni nazzonalista.
Jgħid li l-pagi naqsu meta mbagħad jgħid li żdiedu biss b’1%. “Naqsu jew żdiedu?” staqsa l-Prim Ministru li tkellem dwar inkonsistenza wara oħra.
“Meta qrajt dan id-dokument il-konklużjoni tiegħi kienet li li kien ikun aħjar għall-oppożizzjoni, jekk ma fehmitx eżatt, li ma qalet xejn,” qal Joseph Muscat li nnota kif hu jmexxi l-uniku partit li għandu kredenzjali biex imexxi ‘l quddiem l-ekonomija huwa dan il-partit.
“Dan kollu ngħamluh billi nkomplu naħsbu għall-ġenerazzjoni li jmiss,” tenna Joseph Muscat.
Irrefera għas-settur tal-innovazzjoni u l-laqgħat fl-Estonja dwar is-suġġet. Irrefera kif pajjiżna jrid jibqa’ fuq quddiem nett f’dan is-settur għaliex jikseb ukoll kundizzjonijiet aħjar. Fost oħrajn irrefera għal grupp Ċiniż, Alibaba, li interessati jaħdmu ma’ Malta fl-oqsma ta’ data storage u gaming. Opportunità unika oħra.
Meta rrefera għall-kumitat parlamentari dwar ħatriet pubbliċi, li dettalji dwaru ngħataw din il-ġimgħa Joseph Muscat qal: “L-oppożizzjoni qalet ġiet tard din il-biċċa xogħol. Da żgur, 25 sena tard. Qisu qatt ma kienu fil-gvern. Aħna wettaqna riforma wara oħra li permezz tagħha qed inħejju lill-Malta għall-ġenerazzjoni li jmiss” qal Joseph Muscat.
Fuq kollox innota kif il-pajjiż miexi b’serenità u qed jinkisbu r-riżultati. “Qed inlestu lill-Malta għall-ġenerazzjoni li jmiss,” temm il-Prim Ministru u Mexxej Laburista.