It-traffiku jinħass. Jgħidlek l-aktar minn dalgħodu sabha ftit diffiċli jasal għax-xogħol fil-ħin. Ħafna drabi ngħidu “mur bir-rota” bħal donnha xi ċajta, iżda għal tliet negozji Maltin, din m’hi ċajta xejn.
Bicycling Advocacy Group għadu kemm ħareġ dawk li jsejħulhom Awards for Business Cycling. Tliet ċertifikati ngħataw lil intrapriżi li qed isibu alternattivi vijabbli għall-użu tal-karozzi.
Fosthom hemm il-kumpanija Nextbike (Malta), li ħarġet b’sistema innovattiva għall-aħħar ta’ kif wieħed jista’ juża roti pubbliċi. Infatti r-roti blu u griżi sirna narawhom aktar minn qabel fit-toroq Maltin u Għawdxin.
Imbagħad hemm il-kumpanija tal-ikel Grassy Hopper; wieħed mill-ewwel stabilimenti Maltin li jqassam l-ikel takeaway bir-roti. B’hekk jasal l-ikel, b’ebda dannu għall-ambjent u b’ebda problemi ta’ parkeġġ.
Ċertikfikat ieħor ingħata lill-Malta Transport Authority talli kienu ftiehmu mal-Autobuses de Leon lura fl-2015, biex tal-linja jkunu aktar attenti u jżommu ċertu regoli f’moħħhom meta jkun hemm min qed isuq rota madwarhom.
Il-grupp qal li jixtieq ikompli, b’mod indipendenti, iqassam premijiet kull sena, biex dejjem jinkoraġġixxi l-innovazzjoni u l-problema ta’ traffiku.