Kultant żmien tinbet idea ta’ petizzjoni minn xi ħadd fostna li ddejqu xi ħaġa u għalhekk ikun irid jeliminaha. Ikun hemm inizjattivi li jaqbdu, oħrajn inqas. Ir-referendum tal-kaċċa fir-Rebbiegħa huwa wieħed mill-iktar eżempji klassiċi għax tant inġabru firem li kien sfurzat vot popolari.
Min iffirma u vvota kontra l-kaċċa għaliex għomru u żmienu jemmen fil-kawża u min għamel hekk minħabba l-preġudizzju kontra l-kaċċatur (dak li għal ħafna huwa bniedem injorant). Fl-aħħar mill-aħħar is-sens komun rebaħ u minn dak li seħħ ħa tagħlima kulħadd. It-tagħlima li f’dan il-pajjiż ċkejken irridu nitgħallmu ngħixu flimkien. U biex ngħamlu hekk xi ftit paċenzja b’xulxin irridu nieħdu wkoll.
Il-kaċċa ma kienx każ iżolat. Jeżistu kwistjonijiet oħra li għalkemm hemm minnhom li nemmen li jridu jkunu regolati aħjar, nifrustra ruħi meta nara min l-argument jibbażah biss fuq preġudizzju u xejn iktar.
Dawk li jsuqu ż-żwiemel huma każ ieħor. Żgur li ma nieħux pjaċir neħel warajhom fit-traffiku u m’hemmx dubju li anke hawn iridu jidħlu regoli ċari.
Peró nara attitudnijiet differenti fil-konfront ta’ min jgħalaq it-triq għal xi ġirja bir-roti u min għal xi tellieqa bis-serkin. Frankament it-tnejn li huma inkonvenjent. Iżda, it-tnejn li huma żvog li f’pajjiż żgħir bħal tagħna biex isiru irridu nieħdu paċenzja b’xulxin.
Bħal dan hemm mitt eżempju ieħor u issa qamet l-kwistjoni tal-ħoss fil-murtali b’petizzjoni ddur online. Bla dubju faċli wieħed jiffirmaha. Isib elf skuża jekk trid. Mill-marid sal-anzjan, u m’għandniex xi ngħidu anke l-kelb (li nisperaw ma jkunx hawn xi petizzjoni biex ineħħuħ għax hawn min idejqu wkoll).
Peró għal min jifhem fil-piroteknika jaf li fl-aħħar snin ittieħdu diversi miżuri. Hawn lokalitajiet fejn iddeċidew li jaqbżu l-ħarqa tat-tmienja ta’ filgħodu u jekk mhux sejjer żbaljat ittieħdu miżuri bil-għan li jkun ikkontrollat il-ħoss.
F’ċerti lokalitajiet dan l-inkonvenjent (biex insejħulu hekk) ir-residenti jesperjenzawh ġimgħa waħda fis-sena, oħrajn xi ftit iktar jekk ġejjien minn xi akwata b’irħula bi tradizzjoni piroteknika.
Iżda imbagħad nista’ nagħti lista ta’ affarijiet li jdejjqu lil persuni oħra.
Minn vetturi kbar ħafna li jniġġżu l-ambjent, għal proprjetà enormi li tieħu wisq art, għal storbju fi klabbs li jinstema’ minn żoni residenzjali u mitt ħaġa oħra. Peró mhux l-għan li nidħol f’din il-lista.
Għax nifhem li dan hu pajjiż żgħir fejn kulħadd għandu l-iżvog tieħu u għalhekk irridu nitgħallmu ngħixu flimkien. Kif għamlu ta’ qabilna b’tant suċċess.