Caroline Muscat se tkun qed tmexxi l-kampanja elettorali tal-Partit Nazzjonalista fil-kariga ta’ Campaign Director. Flimkien ma’ Ivan Camilleri, Muscat kienet waħda mill-iktar ġurnalisti fit-Times of Malta li fl-aħħar snin intużat biex tikteb stejjer kontra l-gvern.
Iżda, issa kien il-Partit Nazzjonalista li fi stqarrija kkonferma li Muscat rriżenjat mill-kariga li għandha bħalissa ta’ News Editor tat-Times of Malta. Xi ħaġa li għamlitha wara xhur ta’ negozjati. Biex fl-istess ħin li kienet taf li sejra mal-Partit Nazzjonalista kienet qed tikteb fit-Times of Malta tippoża ta’ ġurnalista indipendenti. Kienet ukoll Viċi President tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin.
“L-ewwel ħaġa, se ngħaqqad tim li jkun iffukat li jisma’ l-bżonnijiet, it-tħassib u x-xewqat tan-nies u mbagħad li ngħidu kif il-Partit Nazzjonalista se jġib il-bidla li dan il-pajjiż tant għandu bżonn,” qalet id-Direttur il-ġdida tal-kampanja elettorali tal-Partit Nazzjonalista Caroline Muscat.