F’għodwa sajfija nżilna sax-xatt ta’ Birżebbuġa biex niltaqgħu ma’ Dailin Zammit ta’ 21 sena u Cory Joyce, tifel ta’ 9 snin li kienu qed isuqu r-rota fl-iskatepark li jinsab fil-Bajja s-Sabiħa.
Dailin, li ilu jipprattika l-isport għal dawn l-aħħar tmien snin, qal li sforz l-imħabba u d-determinazzjoni li għandu lejn l-isport irnexxielu jagħmel backflip bir-rota, meqsjua bħala mossa avvanzata, minkejja li kien għadu kemm irkupra minn korriment li kellu.
Zammit qal, “Meta nfetaħ hawnhekk l-iskatepark kont imweġġa’ jien, kelli rkuptejja kont qlajtha minn postha, kelli noperaha. Ġifieri minn dejjem kienet ix-xewqa tiegħi li nipprovaha; għamilt l-operazzjoni u ttrenjat kif suppost kelli nitrenja u għedt ‘issa ċ-ċans’.”
Dailin u għadd ta’ żgħażagħ oħra li ta’ kuljum iqattgħu diversi sigħat jipprattikaw l-isport, qed ikunu wkoll ta’ inspirazzjoni għal tfal ta’ età żgħira.
Iltqajna ma’ Lorenz Joyce, missier Cory, wieħed mill-għexieren ta’ tfal li sa minn età tenera ta’ ħames snin kien diġà beda jaqdef u jipprattika l-isport tar-roti. Joyce qalilna illi l-iskatepark fil-bajja qed ikun ta’ għajnuna biex tfal bħal Cory jersqu ‘l quddiem lejn dan l-isport; tant li minn mindu nfetaħ dan l-iskatepark kmieni s-sena l-oħra, żdiedu l-ammont ta’ tfal tampar Cory li qed jipprattikaw id-delizzju tagħhom f’dan l-ispazju sigur għalihom.
Joyce stqarr, “L-iskatepark, naħseb il-location tiegħu tati opportunità aktar lit-tfal iż-żgħar. Skateparks oħra qiegħdin naqra aktar maqtugħin jew qiegħdin fl-outskirts tal-irħula, hawnhekk qiegħed ġoċ-ċentru. Ġoċ-ċentru tagħtik l-opportunità li jekk hawn parents li jixtiequ lit-tfal tagħhom jibdew jidħlu f’dan l-isport, huma jistgħu jgawdu x-xatt – jekk ovvjament iħallu lit-tfal bl-ilbies protettiv li għandu jkun, jistgħu jiġu l-iskatepark u jipprattikaw dan l-isport.”
Fl-aħħarnett iż-żagħżugħ temm jgħid li jixtieq jara aktar dilettanti bħalu jimxu ‘l quddiem f’dan l-isport li mhux biss jagħtihom sodisfazzjon, imma wkoll jgħallimhom valuri sodi għall-ħajja.