L-Università ta’ Malta u l-Awtorità tal-Ippjanar illum nedew serje ta’ mapep 3D bażiċi ta’ Malta li saru permezz tal-laser (LiDAR). Dan is-servizz se jservi ta’ bażi għal riċerka f’diversi oqsma li jittrattaw temi marbuta. Il-Professur Formosa mill-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà nieda r-riżultati tal-ħidma tiegħu li damet sentejn biex jaqleb id-data u joħloq mappa ta’ bażi li fuqha tista’ tiġi magħquda informazzjoni ġdida li toħroġ minn proġetti dwar l-ispazju f’ambjent 3D. It-tnedija saret fiż-żmien li ż-żewġ entitajiet irnexxielhom jgħaqqdu flimkien b’suċċess entitajiet governattivi sabiex joħolqu sistemi integrati ta’ informazzjoni dwar l-ispazju, permezz tal-proġett SIntegraM.
Il-Professur Formosa wera l-għodod tal-mappa 3D li tkopri ż-żona tal-art tal-Gżejjer Maltin u ż-żona batimetrika tal-baħar sa mil nawtiku.
Ir-riżultati wrew pajsaġġi interattivi tal-art kif ukoll tal-baħar b’mod 3D realistiku bbażat fuq koordinati li setgħu jsiru permezz ta’ proġett tal-FEŻR 2007-2014. Id-data permezz tal-laser ġiet integrata ma’ xbihat mill-ajru li taw stampa realistika tal-Gżejjer Maltin.
Cloudisle tressqet bħala l-għodda bażika għal analiżi tal-perspettiva fejn min jagħmel użu tas-sistema jista’ jesplora d-data u jara ż-żona ta’ interess għalih b’modi ġodda, b’mod partikulari ż-żoni bbażati fuq il-baħar li għadhom kemm ġew ippubblikati. Il-konferenza wriet ukoll oġġetti taħt il-baħar, kif persuni li qed jagħmlu użu mis-sistema jistgħu josservaw kemm jogħla l-livell tal-baħar u mill-banda l-oħra jistgħu jaraw ukoll xtajtiet antiki. Minbarra hekk, il-faċilità tal-għodda biex tkejjel u tikkalkula għoli, distanzi u meded, se tgħin ħafna lil min juża dawn l-għodod biex jikseb aktar għerf ibbażat fuq informazzjoni.
L-aktar parti interessanti tal-konferenza kellha x’taqsam mal-produzzjoni ta’ 4 biljun punt ta’ data li wkoll tat xi skoperti ġodda, li ġew ippreżentati waqt il-konferenza, b’mod partikulari l-kavità tal-Għariebel.
Ir-Rettur, il-Professur Alfred Vella qal li l-prodott finali huwa għodda essenzjali minħabba l-bixra speċjalizzata u multi-dixxiplinarja tiegħu li jippermettu lil xjenzjati u prattikanti li jaħdmu flimkien u jaslu għal politika bbażata fuq l-għerf kif ukoll jagħmlu skoperti ta’ riżultati ġodda mir-riċerka. Il-Professur Vella semma r-riżultat potenzjali tal-użu ta’ dawn is-settijiet ta’ data ta’ bażi minħabba l-importanza kruċjali tagħha għal xjenzjati ambjentali, it-trasport, l-input mill-NGOs, l-esperti forensiċi, it-turiżmu virtwali, mużewijiet virtwali, il-preparazzjoni tal-protezzjoni ċivili u l-kontrolli ta’ wara d-diżastri kif ukoll għall-mogħdija taż-żmien u rekreazzjoni, entużjasti tal-għadis, entużjasti tal-logħob u benefiċjarji oħra.
Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar, is-Sur Johann Buttigieg iddeskriva l-impatti li prodott bħal dan ikollu fuq l-ippjanar dwar l-ispazju u kif il-kollaborazzjoni bejn l-akkademiċi u l-fergħat operattivi tal-ippjanar tal-ispazju ltaqgħu permezz ta’ legat ta’ servizzi online dwar l-ispazju, fosthom il-mapserver tal-Awtorità tal-Ippjanar li ġiet imtejba dan l-aħħar. Is-Sur Buttigieg informa lill-ġurnalisti li l-saffi tad-data tal-Cloudisle se jkunu wkoll disponibbli permezz ta’ għażla ġdida fuq il-mapserver tal-Awtorità tal-Ippjanar. Huwa semma wkoll il-proġett SIntegraM li se jkun il-pedament għall-kisba ta’ għodda u metodi li jkomplu jibnu fuq il-prodott Cloudisle u jtejbuh, u jwiegħed aktar kollaborazzjoni bejn iż-żewġ entitajiet.
Dr Andrew Azzopardi, Dekan tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà ta analiżi kritika tal-ktieb il-ġdid tal-Prof. Formosa dwar Emergent Realities (Realtajiet Ġodda) li jittratta studji li għandhom x’jaqsmu mal-użu tad-data LiDAR u kif data 3D li tintwera fi Cloudisle tintuża għat-tisħiħ tas-soċjetà.