Il-Papa Franġisku qiegħed iħallina b’isqof part-time u dak li ġara fiż-Żebbuġ Għawdex iġegħelni nibki.
Dikjarazzjonijiet iebsin ta’ Fr Rene Camilleri li fuq ONE Breakfast tkellem ukoll dwar ir-riżenja tiegħu minn kariga importanti fil-Knisja.
Fisser il-bidla li hemm bżonn u għamel dikjarazzjoni mhux mistennija dwar l-aħħar ħatra li l-Arċisqof Charles Scicluna ngħata fil-Vatikan.
Dun Rene spjega “Jien tweġġagħni min jgħid dan xi unur kbir għall-Knisja. Jien l-Arċisqof nirrispettah. L-Arċisqof tiegħi. Jekk hu jħoss li għandu kontribut jibqa’ jikber u għalih unur. Imma kieku jkolli nara lill-Papa ngħidlu int lil Malta qed tinsulentana għax qed jgħidilna intom erba’ qtates biżżejjed ikollkom Arċisqof part time. Jien dik ma rridhiex.”
Iebes ukoll fuq is-superjuri tal-Knisja wara li baqgħu siekta dwar filmat ta’ qassis li jitkellem kontra l-użu tal-kontraċettivi.Qal li “Il-Ministru Dalli esprimiet ruħha fuq dan il-video.Imma jien kont nippretendi li jesprimu ruħu s-superjuri tal-Knisja. Illi jgħidu li dan huwa diskors li jistona mad-diskors sħiħ li l-Knisja qiegħda tagħmel.”
Xi ħaġa li mbagħad tistona mal-fatt li xi ħadd bħal Patri Mark Montebello kien iċċensurat.
Dun Rene qal li “Dik ċuċata gwappa li saret. Għax illum m’għadux. Għalhekk qed ngħid. Li noħorġu anke li tiġi f’moħħ dak li jkun. Li bniedem tgħidlu għandek tliet snin ma tiktibx fil-gazzetti. F’ġieħ kemm hemm.”
Dwar il-ħatra ta’ arċipriet ġdid fiż-Żebbuġ Għawdex fejn dan spiċċa jinġibed fuq Porsche mit-tfal tal-lokal, Fr Rene
Spjega li “Jien ma nafx jekk ħaġa bħal din għandix nibki jew nidħak. Imma probabbli nagħżel li nibki. Qed jgħidlu li sar ħafna fass. Ma naqbilx magħha. Nikkundanna lil min aċċetta lil dawk it-tfal ikollhom dik it-tip ta’ funzjoni. Mela llum għadu żmien inġiegħel it-tfal jiġbduni fuq karozza.”
Dun Rene jgħid li dan kollu wkoll riżultat taċ-ċertu vojt li hemm fil-Knisja.
Hu temm billi qal “Jien għalija huma espressjoni ta’ vojt intern. Qed tifhem. Allura jiena ngħid li għandna ħafna fuqiex nagħmlu eżami tal-kuxjenza. Jien irrid inkun preżenti. Ħa nibqgħu nehdew bil-ħmerijiet aħna?”