Minn użu eċċessiv ta’ droga għal ħajja bla skop li wasslitu wkoll għall-ħabs, Matthew Brincat, raġel ta’ 38 sena minn Ħal Qormi jistqarr kif irnexxielu joħroġ minn żmien ta’ dlam għal żmien fejn l-enerġija tiegħu qiegħed jagħtiha biex jgħin persuni oħra li ntrikbu mill-vizzju tad-droga.
Ma’ ONE NEWS jispjega kif ma kienx isib ma’ min jitkellem dwar il-ħsibijiet profondi tiegħu u jgħid li kien minħabba f’hekk li wasal biex spiċċa waqa’ f’din in-nasba:
“Ifhimni jien minn dejjem kelli din il-ħarsa naqra profonda lejn il-ħajja minn meta kont żgħir u hija waħda mir-raġunijiet għalfejn spiċċajt nieħu d-droga…għal dawn l-affarijiet ma kont insib lil ħadd ma’ min nitkellem fuq dawn l-affarijiet għax ħadd ma kien jitkellem fuqhom”
Meta spiċċa l-ħabs minħabba azzjonijiet li d-droga ġegħelitu jagħmel, kellu l-opportunità li jiskonta s-sentenza f’inqas żmien izda għażel li jibqa’ biex ipatti għal għemilu u għax ma ħassux lest li jidħol lura fis-soċjetà.
“L-ewwelnett ma kontx għadni, ma kontx qed inħossni b’saħħti biżżejjed biex ngħix fis-soċjetà, fl-istess ħin xorta kont naf li rrid immur għall-mistura, xogħol ma kellix, allavolja stajt nirranġa l-affarijiet biex ngħix m’ommi u missieri u biex noqgħod għandhom kont naf li ommi u missieri kif ħa jkunu fuqi…ħassejtni li minn hemmhekk nista’ nibda nieħu ħsieb tiegħi nnifsi u nirkupra.”
Matthew skopra l-kitba waqt il-programm ta’ riablitazzjoni li saret l-għodda li biha beda jesprimu lilu nnifsu u li qed tkun ta’ ispirazzjoni għal bosta mhux għal dawk biss li għaddejjin mill-esperjenza tad-droga.
“Hija kif ngħix il-ħajja tiegħi ta’ kuljum u apparentament tolqot ħafna min-nies fejn ċertu ħsibijiet jgħaddu minn kull moħħ kulħadd u l-fatt li jaraw li mhux huma biss qed jaħsbu hekk jew mhux huma biss qed iħossu jew jaraw hekk, diġa’ hija xi ħaġa li jħossuha ta’ sapport, li m’humhiex waħedhom.”
Ħafna li fil-preżent jabbużaw mid-droga jistaqsu lil Matthew għal parir biex jieqfu mill-vizzju.
“It-tweġiba hija sempliċi, ieqaf…issa hemm ħafna mezzi kif tieqaf, waħda minnhom hi li tmur programm ta’ rijabilitazzjoni, tħabbat dak il-bieb u tkun lest li ħa tagħmel, ħa titfa’ ħajtek f’xi ħadd li tafda għax taf li f’dal-mument ta’ ħajtek inti ma taf xejn prattikament….ħa tafda ruhek f’ħaddieħor.”
Jisħaq li persuni li jgħaddu minn din l-esperjenza jridu dejjem iżommu saqajhom mal-art u ma jkunux aljenati fuq il-futur iżda jgħixu jum b’jum.
“Minn fejn qiegħed jien ma narax lili nnifsi fil-futur, just li nkompli nagħmel dak li nħobb nagħmel, li jiġini naturali, nixtieq jiġifieri li l-focus ta’ ħajti, l-energija ta’ hajti nitfagħha hemmhekk.”