“4 snin ta’ tmexxija pragmatika, b’objettivi ċari, f’element ta’ sfidi kbar.”
Kien b’dan il-mod, li iddeskriviet, it-tmexxija tal-Prim Ministru, Robert Abela, tul dawn l-aħħar erba’ snin, il-Kap Eżekuttiv ta’ The General Soft Drinks Company, Maria Micallef.
Dan f’għeluq l-erba’ snin ta’ tmexxija tal-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela.
Fil-fatt, f’intervista ma’ crew minn dan l-istazzjon, Micallef, semmiet kif il-Gvern ta’ Robert Abela ta s-serħan il-moħħ billi għen fis-sussidji tal-pagi, is-sussidji li ingħataw biex il-prezzijiet tal-enerġija jinżammu stabbli u kif ukoll billi ħadem f’diversi setturi li baqgħu isostnu l-ekonomija, sabiex jaraw li tkompli tikber minkejja sfidi bla preċedent, fosthom kawża tal-pandemija u l-gwerra fl-Ukrajna.
Sostniet kif dan ħareġ frott il-kwalitàjiet li jħaddan fosthom dik li jkun dejjem viċin in-nies u jisma’.
“Robert Abela għandu kwalitajiet ta’ Prim Ministru li jisma’, jisma’ l-istakeholders kollha, lill-industrija, l-impjegati, l-anzjani, iż-żgħażagħ… u dan huwa element importanti li rajnih f’dawn l-aħħar snin, u naħseb se jkun element importanti fis-snin li ġejjin, biex ikun f’pożizzjoni li jagħmel il-bidliet neċessarji.”
Micallef stqarret ukoll li dan il-Gvern kien kuraġġuż, billi indirizz setturi, li ma kinux mogħtija daqstant importanza fil-passat, fosthom permezz ta’ inizjattivi bħall-ġbir tal-iskart, kif ukoll l-inizjattiva b’rabta mal-kontenituri vojta tax-xorb.
“Il-Gvern kien konxju dawn l-aħħar erba’ snin, f’setturi fejn ma tantx konna irreġistrajna progress. Dan il-Gvern kien kuraġġuż u indirizzah b’mod strutturat u għamel il-pjanijiet. Jiġini f’moħħi il-ġbir tal-iskart tas-separazzjoni u l-ġbir tal-kontenituri vojta tax-xorb. Baqa’ ukoll jinvesti fl-infrastruttura tat-toroq u fuq proġetti biex isebbaħ l-ambjent li aħna ngħixu fih.”
Irrimarkat ukoll il-ħidma ambjentali taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru. Dan permezz tal-Aġenzija Project Green, fejn il-Gvern Malti alloka €700,000 miljun fuq medda ta’ seba’ snin, sabiex tipprovdi ambjent aħjar għall-familji Maltin, permezz ta’ spażji pubbliċi u ħodor madwar il-pajjiż kollu.
Intant, l-ekonomista Robert Borg ukoll kellu kliem ta’ tifħir għad-deċiżjonijiet li ttieħdu mill-Prim Ministru, partikolarment dawk li ssalvagwardjaw l-ekonomija ta’ pajjiżna.
“Id-dinja għaddiet minn żminijiet diffiċli ħafna f’dawn l-aħħar erbgħa snin, però, wieħed iħares lejn l-ekonomija Maltija, li baqgħet reżiljenti ħafna għat-tkabbir ekonomiku, għas-sostenn tal-impjiegi u biex jinżamm b’mod adegwu, il-livell tal-għajxien tal-ħaddiema tagħna.”
Huwa aċċenna wkoll għal sfidi li ġabu magħhom l-istess gwerer, fosthom l-inflazzjoni.
Sostna dan mal-fatt li diversi pajjiżi barranin, għollew il-prezzijiet tal-enerġija biex ikampaw ma’ dawn il-kriżijiet ekonomiċi. Dan b’kuntrarju ma’ pajjiżna, fejn il-prezzijiet tal-enerġija inżammu stabbli, sabiex il-Gvern itaffi l-piż minn fuq il-familji u n-negozji.
Borg semma wkoll kif ir-rata tal-qgħad hija waħda fost l-inqas fl-Unjoni Ewropea, filwaqt li t-tkabbir ekonomiku pproġettat f’pajjiżna, dak ta’ 3%, huwa ferm akbar minn dak ipproġettat fl-Unjoni Ewropea, li huwa ta’ 1%.
Temm jgħid li r-rota ekonomika baqgħet għaddejja, għall-benefiċċju tal-familji, in-negozji u l-pensjonanti Maltin.
Kemm Micallef, u kif ukoll Borg, tkellmu wkoll dwar ir-rapporti ippubblikati riċentament mill-IMF, DBRS Morning Star u Moody’s, li jispjegaw ċar u tond kif l-ekonomija ta’ pajjiżna, hija ekonomija diversifikata u dinamika, kif ukoll li jgħidu li t-tkabbir ekonomiku f’pajjiżna huwa l-aqwa fl-Ewropa.