L-espert dwar il-Pulizija u l-istorja kriminali ta’ pajjiżna Eddie Attard sostna li ma jaqbilx mal-proposta tal-Oppożizzjoni li l-Kummissarju l-ġdid tal-Pulizija jinħatar b’żewġ terzi tal-Parlament.
Attard sostna li l-ħatra u t-tneħħija ta’ Kummissarju tal-Pulizija dejjem kienu prerogattiva tal-Prim Ministru u jemmen li ma hemmx mod differenti kif ħatra bħal din tista’ ssir.
L-espert rispettat minn bosta iddikjara li bil-proposta tal-Partit Nazzjonalista, allaħares jinqala’ l-bżonn li jitneħħa Kummissarju li jkun inħatar b’żewġ terzi.
“L-ewwel ħaġa ma nafx kif tista taħdem u t-tieni nett għadu ma ssemmiex kif dan jekk jintgħażel l-aħjar bniedem biex tieħu dan il-post ta’ Kummissarju tal-Pulizija u wara jirriżulta li minkejja l-kwalifikazzjonijiet li jkollha, ma tkunx kapaċi. Dan kif se jitneħħa? Dan jiġifieri anke jekk ikun Kummissarju mhux effiċjenti rridu nibqgħu bih? Kif se jispiċċa Kummissarju tal-Pulizija trid tingħad minn issa.” Stqarr Attard.
Attard sostna li l-iktar ħaġa kruċjali li trid toħroġ mill-għażla hija l-kompetenza tal-persuna li trid tokkupa l-ogħla siġġu investigattiv f’waħda mill-iktar istituzzjonijiet kruċjali ta’ pajjiżna.
Mistoqsi dwar il-metodu propost mill-Gvern, metodu li se jkun qiegħed ineħħi ħafna mill-poter avdat lill-Prim Ministru dwar il-ħatra ta’ Kummissarju tal-Pulizija, Eddie Attard kien pożittiv.
Attard kompla jgħid, “Dan li qed jiġi propost fih ħafna tajjeb. Irridu naraw issa kif se jintlaqa’.”
B’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja, il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-proċess ta’ għażla se jinfetaħ għal kompetizzjoni. Dawk interessati se jkunu jridu jgħaddu minn skrutinju quddiem il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku.
Il-Prim Ministru se jkun qed jistrieħ fuq ir-rakkomandazzjoni li tagħmel il-Kummissjoni dwar l-aħjar żewġ kandidati fil-fehma tagħha. Huwa imbgħad jagħżel persuna, biex din tgħaddi għall-iskrutinju u vot tal-Kumitat tal-Ħatriet Pubbliċi fil-Parlament qabel tinħatar il-Kummissarju l-ġdid tal-Pulizija.