Raġel qed isofri minn ġrieħi gravi wara li waqa’ għoli ta’ madwar tliet sulari minn gallarija ta’ appartament privat f’ Ta’ Sliema.
Il-każ seħħ għall-ħabta tal-5:30 ta’ dalgħodu fi Triq Depiro.
Il-Pulizija mid-Distrett marru minnufih fuq il-post u mill-ewwel stħarriġ irriżulta li r-raġel hu Zvediz ta’ 22 sena residenti tas-Sliema stess.
Fuq il-post isejjaħ tim mediku li assista ir-raġel u ittieħed permezz t’ambulanza l-Isptar Mater Dei għall-kura fejn iktar tard ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi serji.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.