Raġel ta’ 35 sena minn San Ġwann qiegħed isofri minn ġrieħi gravi wara kien involut f’argument f’Marsaxlokk. Il-każ seħħ għall-ħabta tal-11:20 tal-Erbgħa filgħaxija ħdejn il-Kappella tas-Silġ f’Marsaxlokk.
Minn investigazzjonijiet tal-Pulizija rriżulta li l-allegat aggressur attakka lill-vittma b’xafra b’konsegwenza li ferrieh f’wiċċu.
Minnufih il-Pulizija bdiet tfittxija għall-aggressur li ftit tal-ħin wara rriżulta li kien Libjan ta’ 30 sena li joqgħod Ħal Tarxien. Huwa ġie arrestat mill-Pulizija u ttieħed il-lockup fil-Kwartieri Ġernerali tal-Pulizija fil-Furjana.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku li taw l-ewwel għajnuna u ambulanza ħadet lil vittma l-isptar għall-kura meħtieġa.
Għalkemm ir-raġel ġie ċċertifikat li qiegħed isofri ġrieħi gravi, infetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat tal-Għassa Dr Astrid May Grima li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.