Anzjan ta’ 62 sena mir-Rabat, Għawdex, weġġa’ gravi wara inċident bil-mutur.
Il-każ seħħ għall-ħabta tal-ħdax u kwart ta’ filgħodu fi Triq Pompej, ir-Rabat, Għawdex.
Minn stħarriġ preliminari rriżulta li l-vittma għal xi raġuni tilef il-kontroll tal-mutur tiegħu, tat-tip Yamaha, bil-konsegwenza li waqa’ minn fuqu.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku u ambulanza ħadet lix-xufier tal-mutur l-Isptar Ġenerali t’Għawdex sabiex jingħata l-kura meħtieġa.
Aktar tard, hu ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet mill-Pulizija għadhom għaddejjin.