Raġel ta’ 59 sena minn Birżebbuġa sofra minn ġrieħi gravi wara li waqa waqt li kien qiegħed jagħmel xi xogħlijiet fuq kamra ta’ fuq il-bejt f’residenza privata fi Triq it-Tankijiet f’Birżebbuġa.
L-inċident seħħ għal ħabta tat-15.30 ta’ wara nofsinhar meta għal xi raġuni ir-raġel waqa’ minn fuq sellum u meta kien mal-art is-sellum waqa’ fuqu.
Ir-raġel ġie assistit minn membri tad-dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili filwaqt li ssejħet ambulanza li ħadet lir-raġel l-isptar Mater Dei.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.