Wara li kienu bosta l-Maltin li xtraw il-coca-cola b’isimhom, issa jmiss li fuq l-ixkaffa tal-ħwienet tal-ikel tfittex kunjomok fuq wara tal-bott tal-kunserva.
Dan hekk kif id-ditta Three Hills hija waħda ikonika Maltija u għalhekk għażlet li torbot it-tradizzjonijiet Maltin mal-bott tal-kunserva.
Wara riċerka li saret mill-kumpanija, fuq wara tal-bottijiet tal-kunserva se nkunu qed naraw madwar 60 kunjom Malti differenti, iżda mhux biss. Flimkien mal-kunjom se jkun hemm deskrizzjoni ta’ xi jfisser kunjom partikolari, fost oħrajn, l-oriġini tal-kunjom kif ukoll l-emblema marbuta miegħu.
Din ir-riċerka saret minn Joe Borg, li għandu aktar minn 20 sena esperjenza f’dan il-qasam flimkien ma’ Simon Mercieca li huwa lecturer fil-Fakultá tal-Arti fl-Universitá ta’ Malta. Id-deskrizzjonijiet fuq wara tal-bott tal-kunserva saru mill-Mons Joseph Bezzina li huwa storiku Malti. Il-fotografija tal-emblemi oriġinali tal-kunjom saret mill-fotografu Daniel Cilia.
Tgħid kunjomok huwa wieħed minn dawn is-sittin?