Il-frażi ‘mela qed titkellem biċ-Ċiniż?’ qed tieħu tifsira differenti minn kif oriġinarjament nużawha, hekk kif il-Kulleġġ Santa Margerita f’Bormla, huwa l-ewwel li beda jgħallem il-lingwa mandarina bħala parti mis-sillabu tiegħu.
Il-kors taċ-Ċiniż fl-ewwel sena daħlu għalih erba’ studenti, li lkoll qalulna li l-lingwa Ċiniża hija ferm iktar faċli milli ħafna jaħsbu.
Il-Kap tal-Kulleġġ Charmaine Elshout qalet tinsab kburija li tifforma parti minn dan il-proġett, waqt li ddeskriviet l-isfidi li ġab miegħu dan il-proġett, bħala sfidi sbieħ.Dan kollu waqt attività bl-isem ta’ Language Market fil-kulleġġ Santa Margerita. Attività fejn matulha, għalliema mgħejjuna minn studenti, ramaw tmien bankarelli għal kull lingwa li tiġi mgħallma fl-iskola, u ssajjar ikel minn dak il-pajjiż partikolari.
It-tfal ġew servuti l-ikel minn għalliema lebsin saħansitra kostumi tal-pajjiż, bil-għan li l-istudenti jifhmu aħjar il-kultura wara l-lingwa li qed jitgħallmu.
Il-Kap tal-Kulleġġ spjegat li dawn it-tip ta’ attivitajiet huma kruċjali, minħabba li jgħallmu lit-tfal f’ambjent iktar rilassat u bla ma jridu jinteressaw ruħhom aktar fis-suġġett li jista’ jissarraf f’għadd ta’ benefiċċji minħabba l-importanza dejjem tikber taċ-Ċina fl-oqsma ekonomiċi u kummerċjali.