“Ahna Refugjati”
Dan l-isem ta’ opra oriġinali bil-Malti li Valletta 2018 se ttella fl-aħħar ta’ Awwissu u fit-2 ta’ Settembru fuq il-Fosos tal-Furjana.
F’konferenza tal-aħbarijiet iċ-Chairman ta’ Valletta elfejn u tmintax, Jason Micallef, spjega kif din hi l-ewwel opra Maltija tat-tip tagħha. Opra li x-xogħol fuqha ilu għaddej madwar tliet snin, u li se jinkludi s-sehem ta’ iktar minn mija u għoxrin membru tal-kast. Aħna Refuġjati turi l-isfidi ta’ familja li wara li esperjenzaw diversi atroċitajiet waqt il-gwerra ċivili, jaħarbu minn pajjiżhom bit-tama ta’ ħajja aħjar fl-Ewropa. Sfidi bħall qsim tal-fruntieri, in-nuqqas ta’ drittijiet bażiċi, ir-razziżmu, is-separazzjoni u t-telf, u vjaġġ motivat mit-tama.
Fost l-artisti ta’ fama lokali u internazzjonali hemm is-sopran Miriam Gauci, li spjegatilna kif din l-opra għandha messaġġ importanti, fejn b’letteratura bil-Malti twassal storja realistika li tista’ tinftiehem minn kulħadd, u b’mużika li tesprimi dak kollu li qed isir.
“Hemm azzjoni fiha mhux ta’ opera li naraw is-soltu. Allura qiegħda fuq skala kbira ħafna. Ħa jkollna ħafna personaġġi, enormi. Hija kompleta minn kull lat.”
Ma’ Gauci jingħaqdu, fost bosta oħrajn, it-tenur Joseph Zammit u l-mezzo soprani Clare Ghigo u Federica Falzon fl-irwoli ewlenin. Magħhom, il-kontratenur Spanjol José Hernàndez Pastor, li aċċetta l-isfida li jkanta bil-Malti. Fejn l-ewwel jitgħallem il-ħoss tal-kliem, u mbad it-tifsira warajhom. Spjega kif b’differenza għal opri oħra, f’din hawn sens ta’ kollaborazzjoni.
“We are kind of fixing the last things. And that is not normal when you sing opera, everything is done when you arrive. And this is a very alive process for me, so I’m enjoying, I am kind of excited with that.”
U meta staqsejnieh kif inhuma l-preparamenti għall-opra, issorprendiena bit-tweġiba tiegħu.
“Ħdimna iebes ħafna, imma jien kuntent.”
Minn naħa tiegħu, id-direttur u awtur ta’ din l-opra, Mario Philip Azzopardi, spjega kif din l-opra tmur lil hinn minn dik tradizzjonali u klassika, u flimkien mal-mużika ta’ Mario Sammut, din tgħaqqad l-antik mal-modern, b’suġġett relevanti, f’esperjenza li ħadd m’għandu jitlef.
“Issaħħaħ kemm aħna ffortunati li dan il-poplu żgħir, dan il-poplu kburi, għandu l-ilsien tiegħu, jista’ jesprimi ruħu b’dan il-mod, whiteflash It-talent li għandna hawn Malta huwa eċċezzjonali u jista’ jħabbatha ma’ kulħadd u kullimkien.”