Il-Jum Internazzjonali għall-Anzjani isservi ta’ opportunità sabiex niftakru fl-anzjani tagħna u niddedikaw ħin sabiex inżuruhom u nuru l-apprezzament tagħna lejhom.
F’dan il-jum, ONE News mar f’dar tal-anzjani fejn Josephine Zammit u John Grech, żewġ residenti, tkellmu magħna dwar xi tfisser l-anzjanità, u l-jum internazzjonali ddedikata għalihom.
Josephine tkellmet magħna dwar kif l-anzjanità ġġib magħha numru ta’ esperjenzi, li bihom wieħed bilfors irid jgħaddi kemm minn żmien diffiċli, u anke sabiħ.
Fil-fatt, hija qaltilna kif sfortunatament hija tilfet lil żewġha, iżda minkejja din it-telfa, issa hija tinsab kuntenta, hekk kif fid-dar tal-anzjani li tinsab fiha, hija sabet ħbieb kbar.
Josephine kellha messaġġ lejn il-ġenerazzjonijiet iż-żgħar, liema messaġġ kien qasir u ċar.
“Biex jieħdu ħsieb l-anzjani tagħhom, għax dik tgħin ħafna u ħafna u ttellalhom il-moral lill-anzjani.”
Intant, John Grech qalilna li minkejja li għandu ħamsa u tmenin sena, huwa xorta waħda jinsab fi stat ta’ saħħa tajba, u dan huwa possibbli biss għaliex ħa ħsieb saħħtu tul is-snin.
Fil-fatt, il-messaġġ tiegħu lejn ġenerazzjonijiet iżgħar kien sabiex jieħdu ħsieb is-saħħa u anke l-finanzi tagħhom, sabiex meta jikbru, dawn jgħixu ħajja komda.
Il-messaġġ ta’ John kien wieħed li jgħodd għal nies ta’ kull età.
“L-anzjanità hija don kbir, u trid taċċettaha wkoll. Trid taċċetta li int m’għadekx ta’ għoxrin, u trid taċċetta u tgħid li jiġi merħba bih u kull ġurnata, thank God for it.”