“Ġentlom mill-bidu sal-aħħar.” Dan kien kliem l-Ambaxxatur ta’ Malta għal Brussell Ray Azzopardi f’kumment li ta lil ONE News fejn semma l-kordjalità li t-Tabib kellu man-nies.
Moran kien bniedem li jaħseb f’kulħadd u spiss kien idur l-anzjani u jirreferi għalihom bħala n-‘nannu’ jew iz-‘zija’ u dan kien jagħmlu maħbub immens tant li sar parti mill-familja tagħhom.
Ray Azzopardi jispjega wkoll li kien bniedem li jħoss u li beka f’mumenti diffiċli bħal meta mietet martu Maggie kif ukoll it-Tabib Karl Chircop; l-eks membru Parlamentari Laburista.
“Kien tabib tan-nies u kull meta tħabbatlu ssibu lejl u nhar” kompla Ray Azzopardi waqt li fakkar ukoll li kien it-Tabib Moran li introduċa l-iskema nazzjonali tas-saħħa meta kien Ministru. Kien ukoll strumentali wkoll biex iseħħ il-bidla fil-qasam tas-saħħa meta anke bdew isiru għall-ewwel darba operazzjonijiet fuq it-trapjanti tal-għajnejn, tal-qalb kif ukoll tal-kliewi.
F’Ċensu Moran, in-nies kienu jaraw ukoll rappreżentant denju tal-poplu u dan għamlu politiku maħbub u rrispettat miż-żewġ sferi politiċi lokali.