Ir-rappreżentant tal-Partit Nazzjonalista fuq il-Bord tal-Awtorità tax-Xandir u llum President tal-Kamra tal-Avukati sostna li ma jafx bl-attakk tal-għaqda Repubblika fuq il-Maġistrat Sant Lia.
Peter Fenech sostna dan hekk kif kien qed iwieġeb għad-domandi ta’ ONE News b’reazzjoni għall-attakk tar-Repubblika fuq membru tal-Korp tal-Ġudikatura.
“Ma qrajt xejn, ma rajt xejn u ma qrajt xejn u ma nafx b’xejn,” sostna Fenech minkejja li l-aħbarijiet kollha tal-Ħamis kienu ddominati mill-aħbar li l-Maġistrat Sant Lia ordnat li l-President tar-Repubblika Robert Aquilina jkun suġġett għal-investigazzjoni wara leaks minn Inkjesta Maġisterjali.
Ordni li wasslet sabiex Repubblika tagħmel konferenza minn quddiem id-Depot tal-Pulizija fejn hemm infexxet bl-attakk tagħha fil-konfront tal-istess Maġistrat.
Iżda dwar dan, Peter Fenech, li kien ukoll il-President tal-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Nazzjonalista, fiż-żmien li Adrian Delia tneħħa minn Kap, baqa’ jsostni li jafx biha.
Il-ġurnalist ta’ din il-kamra tal-aħbarijiet mill-ġdid reġa’ staqsa – “Jiġifieri m’għandekx kummenti x’tagħti wara li…” b’Peter Fenech dlonk jaqtalu kliemu jerġa’ jsostni “Lanqas naf biha, lanqas naf biha.”
Fenech tenna wkoll li mhux eskluż li l-Kamra tal-Avukati tieħu pożizzjoni dwar dan il-każ.