F’inqas minn ġimgħa, il-Kap tal-Oppożizzjoni rrepeta li, appena jkollu l-poter f’idejh, jgħolli l-pagi tal-Ministri tiegħu, eku tal-iskandlu li kien faqqa’ qabel l-Elezzjoni Ġenerali tal-2013 meta GonziPN kien ta żieda ta’ sitt mitt ewro fil-ġimgħa lill-Kabinett tiegħu, bil-moħbi ta’ kulħadd, waqt li l-poplu kien għabbih bl-agħar piżijiet fl-istorja.
Hu reġa’ ddikjara dan waqt li, fi Pjazza Tritoni l-Ħamis filgħaxija, kien qed jiġi intervistat minn ġurnalist tat-Times, bħala parti mill-attivitajiet tal-Indipendenza.
Ġurnalist: “Jiġifieri kieku tgħollihom il-pagi?”
Bernard Grech: “Għaliex le? Għaliex le? Għaliex le? Għaliex le?”
Dan anke jekk, sitt ijiem qabel, kien skomdu meta ppressat mil-Lovin’ Malta dwar l-istess suġġett.
“Li nagħmlu l-intervista kollha fuq il-paga tal-politiċi.”
“Semmejtha, għax inti semmejtha.”
“Yes semmejtha.”
Dawn il-kummenti reġgħu qanqlu l-każ meta aktar minn ħdax-il sena ilu kien żvelat kif Gvern Nazzjonalista kien ta, bil-moħbi, żieda fenomenali lill-Ministri u l-Assistenti Parlamentari kollha, li kienu l-backbench ta’ żmien GonziPN.
Dan fl-istess perjodu li l-poplu kien qed jiġi mgħobbi bil-piżijiet frott l-amministrazzjoni ħażina tal-Gvern Nazzjonalista, inkluż bl-iżjed kontijiet esaġerati fl-enerġija.
Bl-iskuża tal-kriżi tal-enerġija tal-2008/2009, li kienet ferm iżgħar minn dik tal-lum, Gvern Nazzjonalista kien imbotta lil eluf fil-faqar, waqt li l-ekonomija kien staġnaha.