MTV, fi sħubija mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA), ħabbru li l-kunċert ta’ mużika live Isle of MTV Malta se jirritorna fuq il-Fosos tal-Floriana nhar l-Erbgħa, 27 ta’ Ġunju 2018. Il-kunċert sar appuntament fiss fl-appuntamenti sajfin, u din hija t-tnax-il sena ta’ kollaborazzjoni bejn MTV u l-MTA.
Ismijiet kbar bħal The Chainsmokers, DNCE, Steve Aoki, Jason Derulo, Jess Glynne, Martin Garrix, Nicole Scherzinger, Jessie J, Will.i.am, Rita Ora, Flo Rida, Snoop Dogg, Far East Movement, David Guetta, Kid Rock, Kelis, The Scissor Sisters, Lady Gaga, The Black Eyed Peas, Nelly Furtado, Maroon 5, The Chemical Brothers, Enrique Iglesias, N*E*R*D, Shaggy, Garbage, Jazzy Jeff, Gorillaz u One Republic żaru pajjiżna permezz tal-isle of MTV.
Il-Ministru tat-turiżmu Konrad Mizzi qal li permezz ta’ avvenimenti ta’ kwalità bħal dawn, qed inkomplu nimmiraw li nirfinaw u nsaħħu l-prodott turistiku Malti fejn anke s-sena li għaddiet rajna rekord ta’ 2.3 miljun viżitatur.
Min-naħa tiegħu Paul Bugeja li hu l-kap eżekuttiv tal-MTA sostna li din hija opportunità li Malta tilqa’ turisti ta’ kull età, gost, u nazzjonalità. Permezz ta’ dan l-avveniment, Malta tilqa’ bosta ġurnalisti, travel bloggers, socialities u esperti oħra fil-mezzi soċjali, fejn wara, anke narawhom jirritornaw f’pajjiżna bħala turisti.