Verament ħadt gost bl-aħbar li ta l-Prim Ministru li l-ekonomija ta’ Għawdex bħala regjun kibret aktar minn dik ta’ Malta, li diġa’ hija fost l-aqwa fl-Ewropa. Nieħu gost doppju. L-ewwel għall-Għawdxin stess, u t-tieni għax tfisser li meta jkollok gvern moħħu hemm, suċċess jista’ jkollok. Ngħidha ċar u tond li jien qatt ma kelli dubji li Joseph Muscat ikun suċċess. Min jitrabba qrib il-ħidma tar-raba’, ma jistax ma jkollux riġlejh fl-art! Mhux teoriji, imma twettiq.
Naħseb hemm Għawdxin li jiftakru bhali, għalkemm jien ma twelidtx Għawdex, fejn il-ġuvintur kienu jsiefru bi ħgarhom għax ma kienx hemm xogħol, u kien hemm żbilanċ kbir bejn xebbiet u ġuvintur fil-gżira. Ma kienitx sitwazzjoni b’saħħitha.
Niftakar ukoll li kien hemm żminijiet meta l-Għawdxin kien jagħmlu minn kollox ħalli jkollhom impjieg, u jagħmlu s-sagrifiċċji kollha meta jsibu wieħed, anke f’Malta.
Niftakar ukoll meta Giovanna Debono kienet twebblet li tipprova tiġġieled ħalli Għawdex jitqies bħala reġjun fil-bżonn.
Issa meta nisma’ b’aħbar bħal din, ma nistax ma niftakarx li hemm problema għal Għawdex għax gżira kien u gzira għadu. Biżżejjed wieħed jara l-vjaġġi ta’ travi tal-konkrit bil-vapur lejn Ghawdex, ħalli jinduna xi jfisser dak ix-xiber baħar. U anke fit-turiżmu, li meta jasal turist l-ajruport, mhux la kemm ikun wasal Għawdex, bis-seħer tiegħu.
Jien kelli xamma sew li Għawdex ġej ‘il quddiem. Mhux la kemm taħseb li tidħol f’ristorant u se ssib mejda. U kont innutajt ukoll kemm turisti Ingliżi kienu jinxteħtu jieklu fil-każin tal-banda u l-każin tal-futbol ta’ Għajnsielem. U f’każin taż-Żebbuġ dejjem fgat bin-nies għall-pizza.
Jien dejjem għamilt riklam lill-Għawdxin speċjalment fil-prodotti tal-ikel tagħhom. Min imur Għawdex m’għandux jinsa li jġorr miegħu prodott tal-ikel maħdum Għawdex. U l-prodotti mhux ġbejniet biss, għalkemm forsi ssib bħalhom biss f’Sardinja.
Dan li qed ngħid kemm sejrin sewwa, wettqu wkoll Silvio Berlusconi. Kien fi programm ma’ Barbara d’Urso, u qal li s-Sardinja sebgħa mitt darba aktar minn Malta, filwaqt li Malta għandha persentaġġ kbir ta’ turisti mqabbel ma’ dak ta’ Sardinja, u għandna pajjiż mhux biss sabiħ imma li għandu nbejjed u ikel tajjeb.
Niftakar ukoll fir-rakkonti ta’ Anton Buttigieg. Fuq id-dgħajjes tal-latini li kienu jġorru l-prodotti għall-bejgħ f’Malta. U l-problemi meta kien ikun il-maltemp.
Veru li l-Labour jieħu ħsieb iż-żgħir. U Għawdex huwa ż-żghir.