Saru l-ewwel laqgħat ta’ preparazzjoni u informazzjoni għall-applikanti l-ġodda għal-liċenzja tal-bennejja. Dawn il-laqgħat ta’ informazzjoni, li raw attendenza numeruża, huma l-ewwel stadju minn proċess ta’ erba’ stadji differenti, hekk kif issa imiss is-sessjonijiet obbligatorji u l-eżamijiet.
B’dawn iż-żewġ laqgħat kienu indirizzati mic-Chairperson tal-Kumitat dwar il-liċenzjar tal-Bennejja, il-Perit Godwin Agius, li spjega aħjar lill-applikanti bil-proċess li ser jgħaddu minnu sabiex jiksbu l-liċenzja tal-bennej.
Fiż-żewġ laqgħat li saru ilbieraħ, waħda bil-Malti u oħra bl-Ingliż, kien spjegat fid-dettall kif ser isiru erba’ sessjonijiet ta’ tagħlim. Dawn is-sessjonijiet huma obbligatorji, u għaldaqstant kull bennej li applika għal-liċenzja ta’ bennej irid jattendi għalihom. Dawn is-sessjonijiet ta’ tagħlim ser jgħinu lill-bennej jipprepara tajjeb għal fazi tal- eżamijiet tat-teorija u l-prattika.
Il-Perit Godwin Agius, qal li dan huwa mod ġdid ta’ kif wieħed issa jista’ jikseb il-liċenzja ta’ bennej, wara riforma li saret fil-liġi tal-liċenzjar tal-bennejja, liema liġi kienet ilha fis-seħħ ‘l fuq minn 100 sena.
Il-Perit Agius sostna li bl-introduzzjoni tal-avviż legali l-ġdid hemm bidliet sinifikanti f’din il-liċenzja. Intqal kif dawn il-bidliet mhumiex biss kif wieħed jikseb il-liċenzja, imma kif bniedem wara li jagħmel affarijiet li mhux mitluba minnu li jagħmel, jista’ titteħidlu din il-liċenzja, wara li jkun kisibha.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru responsabbli mir-Riforma fis-Settur tal-Kostruzzjoni, Jonathan Attard, innota l-proċess rigoruż lil l-Kumitat dwar il-liċenzjar tal-Bennejja u l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni qed imexxu fil-liċenzjar ta’ dawn il-bennejja.
Għal din il-laqgħa kien hemm preżenti wkoll l-Aġent Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni, il-Perit Roderick Bonnici, u diversi rappreżentanti mill-istess Awtorità.
Dan il-proċess għal dawk li kienu applikaw għal-liċenzja tal-bennejja sal-11 ta’ Ottubru, mistenni jieħu sal-21 ta’ Novembru. Fi tmiem ta’ dan il-proċess, il-Kumitat dwar il-Liċenzjar tal-Bennejja flimkien mal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni, se jkunu qed jerġu jilqgħu applikazzjonijiet ġodda għal-liċenzja tal-Bennejja.