Disa’ tiġrijiet il-Ħadd wara nofsinhar fil-Korsa tal-Marsa seba’ minnhom fuq distanza ta’ 1640m u t-tnejn l-oħra semi finali mill-Kampjonat Assikura għall-Klassi Gold fuq distanza ta’ 2140m.
Iż-żewġ semi finali kif mistennija kienu kompetittivi u kellna wkoll xi sorpriżi hekk kif uħud mill-aktar iffansjati ma rnexxielhomx jgħaddu għal finali. Uncle Oaks taħt il-gwida ta’ Kurt Saliba rnexxielu joħroġ rebbieħ fl-ewwel semi finali filwaqt li t-tieni semi finali rat rebħa oħra għall-favorit Sandsjons Revenue misjuq minn Charles Camilleri.
It-tiġrija tal-Klassi Premier kellha tmiem eċitanti hekk kif Un Amour du Pont misjuq minn Andrew Farrugia irnexxielu jieħu l-ewwel rebħa tiegħu f’din il-Klassi f’medja ta’ 1’13”4. Fl-ewwel tiġrija tal-Klassi Gold ir-rebbieħ kien wieħed sorpriża hekk kif Tyrol de Feugeres taħt il-gwida ta’ sidu James Falzon irnexxielu joħroġ rebbieħ bi ftit mill-favorit Remain Garbo. Uciano irnexxielu jirbaħ l-ewwel tiġrija tiegħu f’Malta fi Klassi Gold misjuq minn Charles Camilleri.
Fi Klassi Silver id-debba Bella de la Voire ħadet it-tieni rebħa tagħha misjuqa minn Clint Vassallo filwaqt li Unruly Rainbow b’Rodney Gatt bħala sewwieq ħa l-ewwel rebħa tas-sena.Iż-żewġ tiġrijiet tal-Klassi Bronze intrebħu mid-debba Amour Streamline li kienet qed tirreġistra l-ewwel rebħa tagħha misjuqa minn Mark Mifsud u Royal Entertainer li taħt il-gwida ta’ Marco Debono ukoll ħareġ rebbieħ għall-ewwel darba.
It-tiġrijiet li jmiss issa jsiru nhar is-Sibt b’disa tiġrijiet fuq distanza ta’ 1640m filwaqt li l-Ħadd programm mill-aktar interessanti bi tliet semi finali mill-Kampjonat Assikura għall-Klassi Bronze kif ukoll il-finali tal-150 sena Anniversarju tal-Malta Racing Club.