Nhar is-26 ta’ Diċembru fil-Malta Equidrome, l-Malta Racing Club se tkun qed torganizza l-aħħar avveniment prinċipali għas-sena 2024 fejn flimkien ma’ EquestriMalta għat-tieni sena konsekuttiva se jkunu qed isiru żewġ grand finals li t-tluq tagħhom se jkun bil-vantaġġ.
Bil-polza, ġie deċiż li din is-sena d-distanza se tkun waħda twila ta’ 3160 metru u hekk kif ġara s-sena l-oħra l-parteċipanti ntagħżlu skont il-prestazzjoni tagħhom matul is-sena fil-kategoriji rispettivi tagħhom.
Il-klassijiet Premier u Gold se jkunu qed jippartċipaw flimkien fejn tal-Premier jagħtu 20 metru vantaġġ lil tal-Gold filwaqt li t-tliet klassijiet l-oħra se jieħdu sehem flimkien hekk kif il-klassi Copper jitilqu minn quddiem, tal-Bronze 20 metru warajhom u finalment tas-Silver b’20 metru żvantaġġ ieħor.
Preżenti għat-tlugħ tan-numri kien hemm il-Kap Eżekuttiv ta’ EquestriMalta Max Zammit fejn aċċenna fost l-oħrajn għall-fond ta’ premjijiet li EquestriMalta għamlet disponibbli għal dawn iż-żewġ finali li b’total ta’ €11,230 huwa akbar minn tas-sena l-oħra. Dan barra li ġew ikkummisjunati trofej apposta xogħol l-artist Sebastian Aquilina.
Waqt it-tlugħ tal-polza, kien hemm ukoll preżenti l-viċi Chairman tal-Malta Racing Club Anthony Demanuele u l-Kap Eżekuttiv tal-Malta Equidrome Matthew Brincat.
Fil-programm ta’ l-għada tal-Milied, li jibda fis-1:00 pm, hemm ukoll disa’ tiġrijiet oħra fuq distanza ta’ 2140m u li jintelqu bil-karozza. Tiġrija minnhom hija riservata għal sewwieqa żgħażagħ li għandhom bejn is-sittax u l-ħamsa u għoxrin sena, filwaqt li t-tmien tiġrijiet l-oħra huma għas-sidien li matul l-2024 ma rreġistraw l-ebda rebħa.
Matul dan il-programm ta’ tiġrijiet se jkunu qed jintlaqaw donazzjonijiet għall-istrina.