- IKTAR TAGĦRIF DWAR DIRECT ORDERS LI ĦADET ID-DITTA TA’ DELIA
Mill-Ministeru u entitajiet li kienu jaqgħu taħt l-Eks Ministru Nazzjonalista Tonio Fenech, id-ditta legali ta’ Adrian Delia, ħadet madwar €200,000 f’direct orders.
Aequitas Legal, li imsieħba fit-tmexxija tagħha hemm l-avukati Georg Sapiano u Adrian Delia, gawdiet mhux ftit ma’ gvernijiet Nazzjonalisti u dan l-aħħar qed insiru nafu iktar.
Id-dettalji ġodda kienu żvelati minn tweġiba Parlamentari tal-Ministru Chris Cardona fejn fis-seduta tal-Erbgħa filgħaxija ppreżenta lill-Kamra tad-Deputati lista twila ta’ direct orders mogħtija mill-aħħar Gvern Nazzjonalista mmexxi minn Lawrence Gonzi.
Il-ditta legali ta’ Delia kienet qed toffri servizz ta’ konsulenza lill-Kordin Grain Terminal fejn minflok inħareġ tender għal dan ix-xogħol il-Gvern ta’ dak iż-żmien ħareġ direct order lill-kumpanija legali Aequitas.
Bejn is-snin 2008 u 2013 din il-kumpanija ħadet aktar minn €70,000 f’konsulenzi. Medja ta’ €1,000 kull xahar tul il-leġiżlatura kollha. Naturalment dan minn din l-entità biss.Għax dan ma kienx l-uniku direct order mill-Ministeru ta’ Fenech, hekk kif fl-2009 il-kumpanija Aequitas Legal ingħatat aktar minn €150,000 mingħajr ma ħarġet l-ebda sejħa pubblika.
Adrian Delia kien jiddikjara li meta kien avukat kien idaħħal mal-€220 fis-siegħa. Għalkemm dan ma kienx biżżejjed biex iħallas it-taxxa fil-ħin. Fuq kollox fil-kampanja għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista għamel sforz kbir biex jagħti l-impressjoni li hu xi bniedem ġdid. Iżda, issa qed jirriżulta għal iktar minn qabel li ma’ dak li hu kien jirreferi għalih bħala l-establishment kiel kemm felaħ.
Fuq kollox dan ma kienx l-uniku Ministeru li ta direct orders lid-ditta legali tal-avukat minn Birkirkara. Ftit tax-xhur ilu tweġiba parlamentari oħra tal-Ministru Ian Borg żvelat li Aequitas Legal daħħlet xejn inqas minn €300,000 f’konsulenzi f’direct order mill-Ministeru li dak iż-żmien kien immexxi minn Austin Gatt.
Id-direct orders kollha li ngħatat il-kumpanija ta’ Adrian Delia ħarġu minn Transport Malta fejn dak iż-żmien kienet magħrufa bħala l-ADT.
Dak iż-żmien bejn l-2010 u 2011 Aequitas Legal daħħlet aktar minn €80,000 f’direct orders b’rabta ma’ konsulenzi dwar ir-riforma tal-Arriva. Riforma li kulħadd jaf kif kienet falliment.
Dak ma kienx biżżejjed, fl-istess żmien, id-ditta Aequitas Legal daħħlet €120,000 f’konsulenzi permezz ta’ direct order dwar ir-regolamenti l-ġodda tat-taxis.
Din il-kumpanija legali gawdiet ukoll minn numru ta’ direct orders għall-konsulenzi fil-proġett ta’ Bieb il-Belt.
Aequitas Legal gawdiet ukoll minn €15,000 f’konsulenzi għall-proġett tal-Baċir Numru Wieħed f’Bormla. Proġett, li l-aħħar Gvern Nazzjonalista warrbu mal-ġenb b’detriment għall-eluf ta’ residenti tal-Kottonera u waqa’ lura. Saħansitra minħabba t-telqa li kien hemm kienet tilfet ħajjitha mara anzjana u kienet l-amministrazzjoni Laburista li lestiet dan il-proġett u bidlet Baċir numru wieħed f’post mill-isbaħ.
Dan it-tagħrif jindika li bħall-kap ta’ qablu Simon Busuttil, Adrian Delia ftit jista’ jkun kredibbli meta jitkellem fuq meritokrazija u għażliet trasparenti. Għax minn gvernijiet Nazzjonalisti hu u d-ditta tiegħu kienu magħżula għal diversi drabi mingħajr sejħiet għall-offerti.