Fi tmiem il-ġimgħa fil-korsa tal-Marsa saru total ta’ 25 tiġrija bl-aktar mistennija jkunu l-ħames finali mill-kampjonat Le Trot għal żwiemel Franċiżi fejn tlieta minnhom kienu wkoll fuq sistema PMU jiġifieri kienu trasmessi dirett fl-Ewropa u l-Istati Uniti.
Kienu ħames finali bbilanċjati u pprovdew spettaklu fejn dik tal-Klassi Premier il-Prix de Vincennes ħalliet lil kulħadd jistenna l-photo finish sabiex jiġi deċiż ir-riżultat li bi ftit iffavorixxa lil Tallien li taħt il-gwida taż-żagħżugħ Melvin Farrugia ħa r-raba’ rebħa ta’ l-istaġun. Fi Klassi Gold u l-Prix d’Enghien kellna rebħa konvinċenti għal Tenor du Passage li rreġistra t-tieni rebħa tiegħu misjuq minn Frankie Abdilla filwaqt li l-Prix de Cabourg għall-Klassi Silver intrebħet minn Black Gold misjuq minn sidu Herman McKay fejn dan ukoll kien qed jirreġistra t-tieni rebħa tiegħu.
Cesar du Bouillon kompla kkonferma li hu kien l-aqwa żiemel ta’ din is-sena hekk kif b’mod faċli irreġistra ir-raba’ rebħa konsekuttiva u it-tnax il-waħda tas-sena fil-Prix de Cagnes-sur-Mer għall-Klassi Bronze misjuq bħas-soltu minn Rodney Gatt. Il-finali tal-Klassi Copper rat it-tielet rebħa konsekuttiva u staġonali għall-Chahuteur misjuq minn Kurt Saliba. Filwaqt li dawn il-ħames finali kienu fuq distanza ta’ 2640m l-20 tiġrija l-oħra kienu fuq id-distanza qasira ta’ 1640m fosthom żewġ tiġrijiet għall-ogħla klassi li fihom ħareġ rebbieħ is-sewwieq Clint Vassallo biż-żwiemel Urido d’Alban u Uno Dancer rispettivament.
L-aqwa sewwieq ta’ din is-sena Rodney Gatt irnexxielu jirbaħ ħames tiġrijiet oħra f’dawn iż-żewġ programmi sabiex kompla jżid in-numru rekord ta’ rebħ fi staġun wieħed.
L-aħħar programm ta’ dan l-istaġun issa jsir nhar il-Ħadd li ġej fejn fih issir il-gran finali li tiċċelelbra l-150 anniversarju minn mindu twaqqaf il-Malta Racing Club fl-1868. Din il-finali mistennija tattira folla numeruża hekk kif fiha ser jipparteċipaw l-aqwa żwiemel tat-Tazza tal-President u l-Prix de Vincennes.