L-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, l-OHSA, b’kollaborazzjoni mal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol u diversi entitajiet nazzjonali, wettqet b’suċċess sensiela ta’ spezzjonijiet ikkordinati madwar siti ta’ kostruzzjoni f’Malta.
Waqt l-ispezzjonijiet ġew identifikati diversi irregolaritajiet, inklużi armar perikoluż, riskji ta’ waqgħat mill-għoli u nuqqas ta’ konformità mal-liġijiet tax-xogħol, bħal sahra mhux imħallsa u nuqqas ta’ kuntratti tax-xogħol xierqa.
Dawn is-sejbiet jenfasizzaw l-isfidi kontinwi fl-industrija tal-kostruzzjoni u l-ħtieġa għal viġilanza kontinwa.
L-ispezzjonijiet riċenti huma parti minn inizjattiva usa’ tal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol biex tiżgura l-inforzar tar-regolamenti tas-saħħa u s-sigurtà kif ukoll il-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-Unjoni Ewropea.
Dawn involvew il-koperazzjoni tad-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjiegi, id-DIER, JobsPlus, il-Pulizija tal-Immigrazzjoni, u spetturi tax-xogħol Bulgari bħala osservaturi.
Waqt li saret enfażi fuq il-valur tal-isforzi konġunti biex jinżammu dawn l-istandards fuq ix-xogħol, l-ispezzjonijiet konġunti mhux biss issimplifikaw il-proċess ta’ inforzar, iżda komplew irawmu wkoll kultura ta’ konformità u sigurtà li tipproteġi lill-ħaddiema kollha.
Fi stqarrija, l-OHSA enfasizzat l-importanza li jinżammu standards għoljin ta’ saħħa u sigurtà fuq is-siti ta’ kostruzzjoni u ħeġġet lill-istakeholders kollha fl-industrija tal-kostruzzjoni biex jagħtu prijorità lis-saħħa u s-sigurtà u biex jikkonformaw irwieħhom mar-regolamenti kollha.
Qalet li, kemm-il darba dan isir, ikun qed jiġi żgurat ambjent tax-xogħol aktar sigur għal kull min hu involut.