Mhux l-ewwel darba li wara li tara lil xi ħadd ieħor jittewweb ħalqek qisu jitbexxaq waħdu bħal donnu jrid jikkompeti billi joħroġ titwiba ikbar minn dak ta’ ħdejk.
Ix-xjenza issa qed titfa’ dawl fuq dan il-fenomenu fejn riċerkaturi sabu x’jiġri meta tara titwiba u kif it-titwib jittieħed.
Fil-fatt tim mill-Università ta’ Nottingham sabu li parti mill-moħħ li tieħu ħsieb il-movimenti tal-muskoli hija responsabbli. Din il-parti tal-moħħ ukoll tilgħab parti importanti fit-Tourette’s Syndrome. It-titwiba kkupjata hja forma komuni ta’ echophenomena, li hija l-imitazzjoni awtomatika tal-kliem jew azzjonijiet ta’ xi ħadd ieħor.
Ir-riċerkaturi ppruvaw testijiet billi raw x’jiġri fil-moħħ ta’ 36 voluntier waqt li raw persuni oħra jittewbu.
Fil-fatt, f’dan l-istudju wħud qalulhom li jistgħu jittewbu u oħrajn qalulhom biex iżommu t-titwiba. Ġie wżat ukoll stimulazzjoni magnetika biex iżżid l-attività f’din il-parti tal-moħħ u b’hekk jinstabu trattamenti dfferenti li jfejqu tiks u attivitajiet abnormali oħrajn.