Fl-aħħar sigħat saru 2,220 test għall-Covid-19, li jfisser rekord ta’ testijiet. Minn dan in-numru rekord ta’ testijiet instabu 49 każ pożittiv.
Dan filwaqt li tliet persuni oħra fiequ mill-virus.
Fi stqarrija, l-uffiċċju tad-Deputat Prim Ministru u l-Ministeru għas-Saħħa sar appell għar-responsabbiltà f’dawn il-mumenti u ma għandux ikun hemm spekulazzjoni b’numri jew inkella tixrid ta’ aħbarijiet foloz li jallarmaw lin-nies għal xejn.
Intqal li sa issa m’hemm ebda pazjent li qed jirċievi l-kura fit-taqsima tal-kura intensiva u għalhekk kulħadd għandu jkun kawt fil-kummenti tiegħu dwar pazjenti f’qagħda kritika.
Il-Gvern irringrazzja lill-ħaddiema kollha fil-qasam tas-saħħa li għal darb’oħra qed jagħmlu dak kollu possibbli biex jiġġieldu l-imxija tal-Covid-19.
Ġie spjegat kif il-fatt li qed isir numru kbir ta’ testijiet, hija waħda mill-miżuri l-aktar effettivi kontra l-Covid-19 hekk kif tkun tista’ tiżola l-każijiet pożittivi u tpoġġi kwarantina lil kull min kellu kuntatt mal-persuni infettati u b’hekk kemm jista’ jkun tnaqqas aktar it-tixrid tal-virus.
Pajjiżna għandu rata għolja ħafna ta’ testijiet, tliet darbiet aktar mill-medja Ewropea u tnejn u għoxrin darba aktar minn dak rakkomandat mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa.