Fl-ewwel edizzjoni ta’ Step Up For Parkinson’s Squash Open inġabret is-somma sabiħa ta’ €485 b’risq dawk li jgħixu bil-marda ta’ Parkinson sabiex ikollhom Day Care Centre li joffri kura speċjalizzata li tgħin lilhom u lil min jieħu ħsiebhom jgħixu ħajja aħjar.
Paul Borg rebaħ il-kategorija tas-seniors wara li fil-finali għeleb lil Robert Sultana 3-0 (11-7, 11-0, 11-8), filwaqt li fil-finali tal-kategorija tal-juniors Nick Abela għeleb l-isfida ta’ Mattea Saliba 3-1 (11-4, 0-11, 11-9, 11-6).
Fl-età ta’ 12-il sena Mattea Saliba kienet l-iżgħar fost it-30 parteċipant, filwaqt li l-Olandiż Gerard Jujin kien l-akbar kompetitur fl-età ta’ 60 sena.
Fi tmiem l-avveniment, il-Project Manager ta’ Step Up For Parkinson’s Adrian Casha preżenta tifkiriet tal-okkażjoni lill-erba’ finalisti u rringrazzja lill-kowċ nazzjonali tal-iSquash Niall Engerer u lill-plejer Jonathan Calleja għall-organizzazzjoni ferm tajba f’isem il-Malta Squash Association u Racket Up Squash Academy b’kollaborazzjoni mal-Marsa Sports Club.