Il-Ġimgħa waranofsinhar, sar aċċess f’numru ta’ postijiet bħala parti mill-ġuri li għaddej dwar l-omiċidji tal-Avukat Carmel Chircop fl-2015 u dak ta’ Daphne Caruana Galizia fl-2017.
Fil-preżenza tal-Imħallef Edwina Grima u l-akkużati, taħt għassa stretta, il-ġurati ttieħdu, fost l-oħrajn, biswit il-binja fi Triq John Borg f’Birkirkara u fil-kumpless ta’ garaxxijiet fejn seħħ il-qtil tal-Avukat Chircop b’numru ta’ tiri fit-8 ta’ Ottubru għaxar snin ilu.
F’dan il-ġuri, Jamie Vella u Robert Agius tal-“Maksar”, jinsabu akkużati li ssupplixxew il-bomba, li biha nqatlet Daphne Caruana Galizia, Adrian Agius, tal-“Maksar” ukoll, hu mixli li kkummissjona l-qtil tal-Avukat Karkariż, waqt li l-istess Jamie Vella u George Degiorgio “ċ-Ċiniż” huma akkużati li wettqu dan l-omiċidju.