Ġie ffirmat konvenju ieħor għal każini tal-banda u soċjetajiet mużikali, din id-darba biex ġie salvat il-Każin tal-Banda ta’ Santa Marija tal-Mosta.
Dan il-konvenju, li ġie ċċelebrat mill-istess każin bil-ħruq ta’ musketterija minn fuq il-bejt tiegħu nhar il-Ħamis, hu s-sitt wieħed tax-xorta tiegħu, bil-għan li jiġu ssalvagwardjati dawn il-binjiet li jagħmlu parti mill-wirt kulturali rikk ta’ pajjiżna.
Fost il-każini, li diġà salva l-Gvern, hemm dawk tas-Soċjetà Mużikali De Paule, f’Raħal Ġdid, u l-Każin Stella Maris f’Tas-Sliema.
ONE News hu informat li għaddej il-proċess biex jiġu ffirmati tliet konvenji oħrajn ma’ każini tal-banda li jinsabu f’risku ta’ żgombrament.
L-impenn tal-Gvern, f’dan is-settur, hu wieħed evidenti. Dan kif joħroġ biċ-ċar ukoll mill-baġit għas-sena d-dieħla, bit-tema ‘Malta Ġusta’, fl-allokazzjoni għas-settur kulturali, li tlaħħaq għal €104 miljun, b’żieda ta’ €20 miljun fuq il-baġit għal din is-sena.
Il-Ministru responsabbli mill-kultura, Owen Bonnici, kien ħabbar dan il-proċess avvanzat, wara sejħa ta’ interess u konsultazzjoni, biex jagħmel l-akkwist tal-ewwel grupp ta’ proprjetajiet privati li kienu mikrija jew użati bħala każini tal-banda u li kienu f’theddida li jingħalqu.
Dawk il-proprjetajiet, li qed jiġu salvati, issa qed jaqgħu taħt taqsima speċjali fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Arti biex ebda komunità ma tispiċċa mingħajr każin tal-banda.
Ix-xiri ta’ dawn il-proprjetajiet, li jiswew minn mijiet ta’ eluf sa miljuni ta’ ewro, huma parti mill-missjoni tal-Fond Soċjali għall-Iżvilupp Nazzjonali, minħabba li jissalvagwardjaw it-tradizzjonijiet Maltin.