Minflok għomor ma jistgħux jagħtu demm, issa rġiel gay fl-Irlanda se jistennew 12-il xahar minn meta jkunu attivi sesswalment.
F’Ġunju ta’ din is-sena, il-Ministru għas-Saħħa Irlandiż Simon Harris ħabbar li kien se jieħu azzjoni fuq rakkomandazzjonijiet biex irġiel gay ikunu jistgħu jagħtu d-demm. Ħaġa li jistgħu jagħmlu minn Jannar 2017.
Filwaqt li għad hemm min qiegħed jinsisti li anke din l-istennija ta’ sena hija diskriminatorja, l-awtoritajiet jinisistu li hemm ferm inqas riskju għas-saħħa jekk ikun hemm 12-il xahar stennija. Iċ-ċaħda lill-irġiel gay li jagħtu d-demm kienet introdotta fl-1981, b’reazzjoni għaż-żieda fil-marda tal-Aids. Din iċ-ċaħda tneħħiet fil-kumplament tar-Renju Unit fl-2011, iżda baqgħat fis-seħħ fl-Irlanda ta’ Fuq.
F’pajjiżna din hija kwistjoni li qiegħda tissemma wkoll. Quddiem il-Bank Nazzjonali tad-Demm f”Settembru li għadda, il-Forum Żgħażagħ Laburisti ressqu l-pozizzjoni tagħhom dwar donazzjoni ta’ demm minn persuni gay.
Qalu li wasal iż-żmien biex tkun aġġornata din il-policy u fakkru li f’każ quddiem il-Qorti Ewropea, kien ikkonfermat li l-projbizzoni għall-irgiel omosesswali hija diskriminatorja.
Il-Forum Żgħażagħ Laburisti qiegħed jipproponi tibdiliet biex raġel li jkollu kuntatt sesswali ma’ raġel ieħor ikun jista’ jagħti d-demm wara 12–il xahar li jkun sar l-att; eżatt dak li se jiġri fl-Irlanda mill-2017.
L-FZL jipproponu wkoll li għandu jkun hemm 12–il xahar perjodu biex mara li kienet involuta f’att sesswali ma’ raġel li dan tal-aħħar kellu kuntatt sesswali ma’ raġel, tkun tista’ tagħti d-demm.
L-FŻL enfasizza l-punt li ma teżisti ebda projbizzjoni jew differiment f’każ li mara jkollha relazzjoni sesswali ma’ mara oħra.