Diskussjoni msemmija ‘Isimgħuna’ ttellgħet mill-Malta ESG Alliance f’Dar fil-Mediterran għall-Konferenzi, bis-sehem ta’ tfal minn għexieren ta’ skejjel f’pajjiżna, ġew ittrattati diversi aspetti mill-miri tal-iżvilupp sostenibbli jew SDGs tal-Ġnus Magħquda fil-preżenza tal-ogħla awtoritajiet lokali biex il-politiċi u l-bqija tas-soċjetà jkunu iżjed akkontabbli ta’ dak kollu li jħasseb lill-ġenerazzjoni żagħżugħa fostna.
Għall-konferenza, kienu mistednin diversi aġenziji u kumpaniji, waqt li ħadu sehem ukoll il-President Myriam Spiteri Debono, il-Prim Ministru Robert Abela u l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, fost politiċi oħrajn.
Tkellimna ma’ Elizabeth Azzopardi, Giuseppe Saliba u Elisa Morguello, fost l-istudenti parteċipanti, fejn spjegawlna dak li anke ħadmu fuqu fl-aħħar xhur u ppreżentaw waqt din id-diskussjoni.
“Nispera li minn din il-konferenza, nista’ nispira lin-nies u forsi anke nara ċerti affarijiet jseħħu fil-pajjiż, għax fl-aħħar mill-aħħar jiena u l-ħbieb tiegħi li konna hawnhekk nixtiequ naraw bidla.”
“Nixtieq nagħmel enfasi fuq il-kultura Maltija, li għandna bżonn nieħdu ħsiebha. Ċerti xogħlijiet qed jintilfu maż-żmien, bħal skultura kif semmejt. Nixtieq ukoll li bini tradizzjonali Malti ma nwaqqgħuhx, imma nirranġawh u napprezzaw il-kwalitajiet tiegħu.”
“Dalgħodu tkellimna fuq is-17-il SDG u dawn flimkien biex nagħmlu lil pajjiżna aktar sostenibbli u nkomplu nsaħħu lil pajjiżna. Issa qed nistennew li hopefully semgħu l-impatti tagħna u nagħtu kontribut lejn pajjiżna.”
Fil-kummenti li ta lil ONE News, iċ-Ċermen tal-Malta ESG Alliance, il-Perit David Xuereb, li hu wkoll iċ-Chairperson tal-MCESD, qal kif hekk kif it-tfal ta’ Malta kollha kienu rrappreżentati, dawn taw l-opinjonijiet tagħhom biex dawk kollha li qegħdin f’pożizzjoni li jieħdu deċiżjonijiet varji, qed jisimgħu lil dawn it-tfal fuq x’inhuma l-ambizzjonijiet u l-aspirazzjonijiet tagħhom.
“Spjegawhom bl-aktar mod tanġibbli, ħarsu lejn il-UN Sustainble Developement Goals, fejn hemm sbatax minnhom, u qalu aħna nixtiequ għal kull waħda minnhom, naraw hekk, hekk u hekk, biex aħna l-kbar nisimgħuhom u ninbidlu, u nilleġislaw jew nirregolaw jew inbiddlu kif naħdmu jew inħaddmu b’mod differenti biex b’hekk inkunu nistgħu nilħqu proprju dawk l-aspirazzjonijiet tat-tfal li kienu preżenti magħna dalgħodu.”
Waqt l-indirizz tagħha, il-President Spiteri Debono tkellmet mat-tfal preżenti fejn ħeġġithom biex ikunu torċa tas-sewwa, għax meta jkollok l-imgħawweġ, dan mhux dejjem jirnexxielek tiddrittah.
Qaltilhom ukoll li, minbarra li hu importanti li jkunu studenti reżiljenti u beżlin, irid ikollhom riga li tirregolahom biex jagħrfu dak li hu tajjeb ħalli ’l quddiem ikunu mexxejja u persuni tajba, għax madwarhom dejjem se jsibu lil min għandu bżonn l-għajnuna tagħhom.