Patrick Pullicino ta’ 54 sena minn Ħaż-Żabbar ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li wieġeb mhux ħati għall-akkużi ta’ traffikar tad-droga u ħasil ta’ flus.
Ir-raġel li huwa wkoll sid ta’ stabbiliment tal-ikel f’Marsascala tressaq il-Qorti iktar kmieni llum quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella akkużat b’pussess aggravat tad-droga kokaina, kannabis, li kiser l-liġi rigward ħasil ta’ flus u li kien riċediv.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Justine Grech u Brian Paul Camilleri spjegaw kif l-akkużat inqabad wara investigazzjoni mill-Pulizija f’Settembru.
Spjegaw kif waqt tfittxija fl-istabbiliment tal-akkużat, membri mill-Korp tal-Pulizija sabu ammonti żgħar ta’ droga kannabis. Madankollu nnutaw kif persuni kienu qed jabbużaw mid-droga ġewwa l-istabbiliment. Dan filwaqt li meta li l-Pulizija kienu fuq il-post, innutaw nies iħabbtu sabiex jixtru d-droga.
B’hekk waqt tfittxija oħra fl-istess stabbiliment, il-Pulizija flimkien ma’ uffiċjali tat-Taqsima tad-Droga akkumpanjati bil-klieb tal-K-9 sabu 15-il gramma kannabis, 47 gramma kokaina, 17-il gramma resina tal-kannabis u ammont sostanzjali ta’ flus kontanti.
Motivati minn din is-sejba l-Pulizija wettqet tfittxija oħra fid-dar ta’ Pullicino fejn instabu iktar drogi u €235,000 fi flus kontanti.
Wara dawn it-tfittxijiet ir-raġel ingħata l-ħelsien mill-arrest sakemm ikomplu jsiru l-investigazzjonijiet.
Meta mistoqsi kif iwieġeb quddiem dawn l-akkużi Pullicino wieġeb mhux ħati u talab għall-ħelsien mill-arrest. Liema talba ġiet oġġezzjonata mill-Prosekuzzjoni minħabbba l-gravita tal-każ.
Madankollu l-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest hekk kif ir-raġel diġa kien fuq bail sakemm saru l-investigazzjonijiet.
Huwa temporanjament ingħata l-ħelsien mill-arrest bil-kundizzjoni li jiffirma kuljum fl-għassa u li jħallas depositu ta’ €5000 u garanzija personali ta €20,000.
Il-Qorti ordnat ukoll l-iffriżar tal-assi tal-akkużat li jaqbżu it-€13,976 fis-sena.