Il-Pulizija bħalissa qed tinvestiga s-sejba ta’ tlett iklieb mejta bi ħdax-il tir li nstabu f’garaxx f’Ħal Għaxaq mis-sidien tal-istess garaxx.
It-tlett iklieb, Bobby, Maya u Trixie nstabu mis-sidien tal-klieb fil-garaxx fejn kienu jinżammu, dan hekk kif sfaw maqtula bi ħdax-il tir minn persuna jew persuni mhux magħrufa, li qabżu l-grada li tagħti għall-istess garaxx u ħallew lit-tlett iklieb għal mewt f’għadira demm.
Bertu u Carol Desira, is-sidien, meta tkellmu ma’ TVM sostnew kif ma felħux jaraw ix-xena bi dmijja ma kullimkien. Imbikmin huma qalu li l-fatt li ma kinux hemm magħhom waqt dak li ġara, hi weġgħa kbira speċjalment meta tqis li dawn tilfu ħajjithom f’ċirkostanzi tant diffiċli.
Persuni li qed jinvestigaw il-każ qed jissuspettaw li dan il-każ hu att ta’ vendikazzjoni fuq is-sidien tal-garazz. Persuni li jinstabu ħatja li wettqu att ta’ moħqrija fuq annimali jista’ jwassal għal piena massima ta’ tliet snin ħabs u multa sa massimu ta’ €55,000.
Id-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Annimali qed jappellaw lill-pubbliku biex jekk għandhom xi tip ta’ informazzjoni, għandhom jagħmlu kuntatt mal-Pulizija – anke jekk huma dettalji żgħar.
Dwar dan il-każ għaddejja inkjesta Maġisterjali.
Intant is-Segretarjat Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali jiddeplora bil-qawwa kollha l-aġir kriminali minn persuna, jew persuni, fejn kmieni dalgħodu spara, jew sparaw, tiri ġo garaxx u nqatlu tlett iklieb ġewwa Ħal-Għaxaq.
L-inċident kien irrapurtat lid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali dalgħodu mill-Pulizija, fejn immedjatament bdiet ħidma ta’ kordinazzjoni mal-uffiċċji tad-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali, kif ukoll mal-Pulizija, sabiex, sa fejn hu possibbli jkun iddentifikat min għamel dan ir-reat. Is-Segretarjat, filwaqt li jikkundanna bla riservi dan l-aġir, qiegħed jikkopera mal-Pulizija bir-reqqa sabiex isibu min għamel ir-reat u jressquh għall-ġustizzja malajr kemm jista’ jkun.
Sadanittant il-pubbliku huwa mitlub sabiex min għandu xi informazzjoni dwar il-każ jgħaddiha, anke b’mod anonimu, lid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali billi jċempel fuq in-numru 1717.