Il-Pulizija fit-tramuntana tal-Indja qed tfittex fost l-ismijiet ta’ tfal irrapportati nieqsa biex forsi tidentifika tifla li aktarx kienet qed tgħix max-xadini. It-tifla għandha bejn tmien u għaxar snin u nstabet ftit tal-ġimgħat ilu f’foresta f’Uttar Pradesh.
It-tobba qalu li ma tafx tikkomunika bil-lingwa u ġġib ruħha bħax-xadini. Uffiċjal għoli tal-Pulizija qal li sabuha ma’ grupp ta’ xadini tagħmel eżatt bħalhom, fis-santwarju tal-annimali f’Katarniaghat, fil-konfini man-Nepal. Ix-xadini attakkaw lill-Pulizija meta dawn provaw jieħdu lit-tifla, li kienet nieqsa mill-ikel, kellha xagħar u dwiefer twal ħafna u ġrieħi ma’ ġisimha.
Kienet twerżaq ħafna u timxi fuq erba’ saqajn. Minn mindu sabuha, tjiebet ftit, però se tinżamm taħt kura sabiex terġa’ tintegra bil-mod mal-ħajja umana.