Il-Pulizija qiegħda tinvestiga sejba ta’ kamera li nstabet moħbija fil-toilet tan-nisa għall-ħaddiema fid-Dipartiment tal-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei.
Is-sejba tal-kamera nstabet għall-ħabta tas-6:30 tal-Ħamis filgħaxija u minnufih issejħu l-pulizija biex jinvestigaw il-każ. Il-kamera nstabet waqt li ħaddiema kienu qegħdin inaddfu t-toilet. Kien hawn li ġiet informata t-tmexxija tal-isptar li minnufih sejħu lill-pulizija biex jinvestigaw il-każ.
Sorsi qrib il-korp tal-Pulizija qalu li għaddejja ħidma intensiva biex jiġi identifikat in-nemmies li poġġa l-kamera fil-toilet tan-nisa.
Mill-ewwel investigazzjonijiet tal-pulizija sar magħruf li l-kamera ġot-toilet waqfet taħdem wara li spiċċatilha l-batterija. Madankollu, l-Pulizija mistennija tniżżel il-filmati li nstabu fiha u tanalizzahom bit-tama li jsibu l-persuna li setgħet poġġietha. Il-pulizija talbet ukoll għall-filmati tas-CCTV bil-għan li titfa’ dawk dwar min seta’ daħal fit-toilet matul il-jum.
Ritratt: Arkivji